“Lil ġar tagħna daruh, ma nistgħux nibqgħu ngħixu b’dan il-mod…ma nistgħux nibqgħu niġu minsijin”.
Hekk sostnew residenti Beltin li jgħixu fiz-zona tad-Daħla tal-Belt, fin-naħa ta’ fuq, hekk kif bosta jinsabu mhux biss imxebba’ iżda anke imbeżżgħa b’esperjenzi li jum wara l-ieħor qed jgħaddu minnhom.
Persuni li tkellmu ma’ NET News saħqu li grupp kbir ta’ żgħażagħ Maltin qed jinġabru quddiem il-bibien ta’ darhom u jwettqu dak li sejħu bħala frakass sħiħ, b’inkonvenjent qawwi għar-residenti.
Dan l-aġir sfortunatament issa qed jeskala hekk kif dawn, allegatament, saħansitra aggredew raġel li kien qed jiprova jidħol f’daru … b’atti vandali oħra jsiru wkoll mal-faċċati tad-djar.
Ir-residenti saħqu li l-aġir ta’ dawn iż-żgħażagħ – li fil-maġġoranza tagħhom ikunu minn barra l-Belt – qed joħloqilhom skumdità kbira u biża’, filwaqt li appellaw għall-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jkun tard wisq.
Ir-residenti tennew li ta’ kull filgħaxija, qed jistennew li tinħoloq xi traġedja, filwaqt li saħansitra nnutaw il-ħsarat li saru fil-lift li jagħti minn Triq ir-Repubblika għal ħdejn djarhom.
Madankollu, allegatament, iż-żgħażagħ kienu saħansitra aggressivi mar-residenti li ġibdulhom l-attenzjoni dwar dan.
Residenti Beltin oħrajn stqarrew li aġir bħal dan mhux biss qed iseħħ fl-akwata tad-Daħla tal-Kapitali, iżda anke fiz-zoni ta’ Marsamxett, tal-Barakka ta’ Isfel u ta’ Lies.
Ir-residenti saħqu li ma jistgħux jifmhu għaliex il-Kunsill Lokali – immexxi mis-Sindku Alfred Zammit – qed jibqa’ jinjora l-appelli tagħhom u jħallihom jgħaddu minn din it-trawma jum wara l-ieħor.
L-uniċi membri tal-Kunsill Lokali Belti li qed jagħmlu pressjoni mal-awtoritajiet jidhru li huma l-Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista, li qed jisħqu li din is-sitwazzjoni mhix aċċettabbli u għandha bżonn tittieħed azzjoni immedjata.
Fuq Facebook, il-Minority Leader Christian Micallef kiteb dwar dan, fejn spjega li sar kuntatt mas-Supretendent tal-Pulizija responsabbli mill-Belt biex mhux biss tiżdied is-sigurtà, iżda biex ir-residenti Beltin ma jibqgħux ikunu injorati u ma jibqgħux jgħixu fil-biża’ f’darhom.
//= $special ?>