Il-prosekuturi qed jallegaw li r-raġel li, jiem ilu, spiċċa arrestat wara li ta n-nar lill-bini tal-Parlament f’Cape Town kien instab bl-isplussivi fuq persuntu waqt li kien qiegħed fis-sit partikulari.
Ir-raġel, Zandile Christmas Mafe (ritratt), ta’ 49 sena, tressaq il-qorti biex iwieġeb għall-akkużi relatati mal-liġi dwar ġarr tal-isplussivi kif ukoll għall-attentat tiegħu biex jagħti n-nar lill-bini inkwistjoni. Mafe qed jiffaċċja anki akkużi dwar serq u talli daħal f’post mingħajr l-ebda awtorità.
In-nirien tal-Ħadd qerdu għal kollox il-kamra t’isfel tal-Parlament Afrikan magħrufa bħala l-Assemblea Nazzjonali – bl-avukat ta’ Mafe qed jinsisti li l-klijent tiegħu hu innoċenti mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu.
Filwaqt li ħadd ma weġġa fin-nirien, il-poplu tal-Afrika t’Isfel għadu sallum ixxukkjat bl-inċident. Dan meta l-iskwadri għall-emerġenzi kellhom jikkontrollaw nirien ġodda li ‘żbruffaw’ fil-kumpless tal-parlament anki nhar it-Tnejn minħabba l-effett tal-irwiefen fuq munzell ta’ ġmied fuq il-bejt tal-bini.
//= $special ?>