Lokali

“Beda jsabbat rasu mal-blat” – titkellem mara li lemħet lil Abner jiem qabel id-delitt

“Beda jsabbat rasu mal-blat… saħansitra stajna ninnutaw xi dmija”.

Dan stqarritu mara mas-sit LovinMalta li flimkien ma ħabiba tagħha, lemħu lill-Abner Aquilina propju fl-aħħar jum tas-sena. Aquilina hu ż-żagħżugħ ta’ 20 sena li huwa suspettat bil-qtil tat-tfajla Pollakka Paulina Dembska – delitt li seħħ 48 wara li dawn it-tfajliet rawh f’Dellimara.

“Ġie l-ewwel darba u tlabnieh jitlaq. Hu kien qed idur madwar il-bajja, jiġri b’mod pjuttost stramb” kompliet tgħid il-mara li kienet fuq il-bajja ta’ Xrobb l-Għaġin.

Kompliet tistqarr li malli reġgħu talbuh biex jagħtihom ftit spazju hu beda jgħajjat magħhom u qalilhom li mhux ser jitlaq. Għalkemm ftit wara ċempel lil sħabu u telaq.

Kien hawn li sħabu stess marru u talbu skuża għan-nom tiegħu filwaqt li stqarrew li Abner kien għaddej minn xi problemi personali.

Bħalissa ż-żagħżugħ miż-Żejtun jinsab rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli. Dan wassal biex kellhom jitwaqqfu temporanjament l-interrogazzjonijiet li kienu qed isiru mill-Pulizija b’rabta ma’ dak li qed jitqies l-ewwel omiċidju tas-sena 2022.