Lokali

“Il-ġid li għamilt u li se tibqa’ tagħmel bl-opri li ħallejt warajk mhu se jintesa qatt” – Bernard Grech

“Tajt qalbek, ħajtek u l-ħiliet tiegħek lil ħafna nies, mhux biss pazjenti. Il-ġid li għamilt u li se tibqa’ tagħmel bl-opri li ħallejt warajk mhu se jintesa qatt. Il-ħajjiet li salvajt huma ħafna. Missejt ħafna qlub u slift ħafna tama.”

Kien dan kliem il-Kap tal-PN, Bernard Grech f’post fuq Facebook mal-aħbar tal-mewt tat-tabib Victor Calvagna.

Hu qal li minn ċkunitu jafu bħala bniedem korrett, ta’ ftit kliem u b’qalb kbira anke waqt logħba futbol. Kien bniedem meqjus tar-rispett minn kulħadd.

Hu kompla jgħid li l-poplu Malti u Għawdxi hu grat lejh kemm bħala tabib, speċjalista mat-tfal u anke għas-sehem kbir li tajt f’Puttinu Cares.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wkoll sellem il-memorja tat-Tabib Victor Calvagna fejn saħaq li se jibqa’ f’qalb il-poplu Malti u Għawdxi kollu.