Lokali Saħħa

Il-Gvern għamel pagament ‘irregolari’ ta’ €1.3 miljun lil Vitals Global Healthcare

Investigazzjoni li saret mill-Awditur Ġenerali sabet li l-Gvern għamel pagament irregolari ta’ 1.3 mijun ewro lil Vitals Global Healthcare.

Dan hekk kif Vitals irċeviet ħlasijiet għal servizzi li kienet kuntrattwalment obbligata li tipprovdi bi spejjeż tagħha.

Il-kumpanija inizjali kienet ingħata l-inkarigu li tmexxi l-Isptar St’ Lukes, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li rebħet it-tender fl-2015… li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jirriżulta li kien deal korrott.

Rapport fit-Times qal li meta Vitals ħadet it-tmexxija tal-Isptaijiet f’Ġunju tal-2016, l-Awditur Ġenerali qal li l-kumpanija kellha tieħu ħsieb fost oħrajn it-tindif u s-siġurtà.

Minkejja dan l-obbligu kuntrattwali, l-Awditur Ġenerali sab li l-Gvern iffirma ħlas ta’ 1.3 miljun ewro lil Vitals għal dawn l-istess servizzi. Filfatt l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kkonkluda li dan il-pagament kien wieħed irregolari għal servizz li suppost sar minn Vitals stess bħala parti mill-kuntratt inizjali.

L-eks Ministru Konrad Mizzi ġie identifikat bħala l-uffiċjal primarju tal-Gvern li konsistentement ikkonċeda termini aktar favorevoli lill-VGH permezz tal-iffirmar ta’ dawn l-ittri sekondarji. Skont l-NAO, l-awtorizzazzjoni mill-Kabinett għal dawn iż-żewġ ittri sekondarji ntalbet biss ftit ġimgħat wara li kienu diġà ġew iffirmati minn Konrad Mizzi u VGH.

L-Awditur Ġenerali qal li n-nuqqas tal-Gvern li jirreferi bidliet kuntrattwali importanti fil-kabinett kien nuqqas rikorrenti identifikat mill-NAO. Bl-eks Ministru Konrad Mizzi għamel ftehim mal-VGH qabel ma kien hemm l-appovazzjoni tal-Kabinett.