Permezz ta’ post fuq Facebook, Puttinu Cares ħabbret il-mewt tal-konsulent Victor Calvagna li kien involut f’inċident tat-traffiku fit-28 ta’ Diċembru fil-Qawra.
“Kien bniedem umli li ta hajtu kollha lit-tfal morda u l-genituri li tant kien ihobb. Ghallimna kif inkunu ta servizz ghall-ohrajn minghajr ma nistennew xejn lura”, hekk kien deskritt it-tabib Calvagna propju fl-istess post.
Huma saħqu li dettalji dwar iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjet Victor Calvagna ser ikunu qed jingħataw ‘l quddiem.
Victor Calvagna li twieled fit-22 ta’ Marzu tal-1958, kien l-ewwel tabib Malti li jispeċjalizza fil-kura tal-Kanċer tat-tfal, u li kien żied ir-rata ta’ rkupru għal 80%.
Calvagna waqqaf Puttinu Cares Children’s Cancer Support Group fl-2002, biex jinħoloq netwerk koordinat ta’ kura u appoġġ biex jappoġġja familji ta’ tfal li qed ifittxu trattament għall-kanċer, u biex jipprovdi akkomodazzjoni f’appartamenti fir-Renju Unit għal pazjenti li qed ifittxu trattament hemmhekk.
Fl-2010, ġie onorat f’Jum ir-Repubblika għas-servizzi tiegħu.
F’Awwissu 2021, Calvagna inħatar president onorarju tal-klabb tal-futbol Fgura United, wieħed mill-partitarji ta’ Puttinu Cares b’maratoni tal-futbol annwali biex jinġabru fondi għall-karità.
Victor Calvagna kien persuna li jħobb jipprattika ħafna l-isport fosthom ġiri, għawm kif ukoll isuq ir-rota.
//= $special ?>