Lokali

AĠĠORNATA: Jiġbru aktar minn €20,000 biex jgħinu lill-familja ta’ Paulina

Illejla l-velja f'Tas-Sliema biex titfakkar il-memorja ta' Paulina Dembska

Grupp ta’ Pollakki li jgħixu f’Malta u li kienu ħbieb ta’ Paulina Dembska bdew inizjattiva biex jiġbru fondi għall-familja tal-vittma. Dan sabiex isiru l-arranġamenti neċessarji għat-trasport tal-katavru lejn il-Polonja, fejn hemm ikun jista’ jsir il-funeral.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li dan il-proċess kollu jaf jiġi jiswa’ eluf ta’ ewro.

Kien għalhekk li bdiet inizjattiva ta’ crowd funding biex jingħata appoġġ lill-qraba ta’ Dembska.

Sal-5pm kienu diġa’ inġabru ‘l fuq minn €20,000 f’donazzjonijiet.

Il-flus se jmorru wkoll biex ikopru parti mill-ispejjeż legali għall-proċess li se jkun qed jibda fil-Qorti, ladarba jitressaq iż-żagħżugħ implikat f’dan il-qtil. Għalkemm dan il-proċess, issa, jaf jieħu fit-tul wara li Abner Aquilina ġie rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli.