Futbol Sport

Magħrufa n-nominazzjonijiet ta’ Replay, għall-unur ta’ DOVE l-aqwa save tax-xahar għal Ottubru

Erba' gowlkipers fost il-ħames saves nominati minn Replay għall-unur ta' DOVE l-aqwa save tax-xahar għal Ottubru

Erba’ gowlkipers tal-Kampjonat Premier, huma l-finalisti b’ħames saves differenti għax-xahar t’Ottubru, għall-unur prestiġjuż li jingħata kull xahar minn Replay, u sponosorjat minn wieħed mill-isponsors tal-programmi Replay fuq Net Television, DOVE, li f’Malta huma rappreżentanti minn George Borg Ltd, wieħed mid-distributuri stabbiliti f’Malta ta’ diversi prodotti popolari. Fost dawn il-prodotti, hemm il-marka tant popolari DOVE, bi prodotti għall-kura personali.

Mill-ħames save nominati għal dan ix-xahar, hemm tnejn tal-gowlkiper ta’ Sirens, Jonathan Debono. L-unur tal-aqwa save tax-xahar għal Settembru, intrebaħ minn Debono u b’dawn iż-żewġ nominazzjonijiet f’saves mill-istess partita li Sirens lagħbu kontra Ħamrun Spartans, Debono reġa’ għandu ċans tajjeb li għat-tieni xahar konsekuttiv jirbaħ dan l-unur.

It-tliet gowlkipers l-oħra li għandhom nominazzjoni b’save li għamlu f’waħda mit-tliet partiti li t-tim tagħhom lagħab fil-Kampjonat Premier matul ix-xahar t’Ottubru huma Anthony Curmi ta’ Gżira United, l-eks internazzjonali Portugiż, Daniel Fernandes ta’ Birkirkara u Glenn Zammit ta’ Gudja United.

Agħfas hawn biex tara liema huma l-ħames saves magħżula għall-unur tal-aqwa save tax-xahar ta’ Replay sponsorjat minn DOVE.

Sabiex wieħed jivvota għal dan l-unur, skont il-preferenza tas-save favorit tiegħu, wieħed għandu jidħol fuq il-paġna ta’ Replay fuq Facebook. Hemhekk wieħed se jsib filmat speċjali bil-ħames saves magħżula għal Ottubru, u direzzjoni ta’ kif wieħed jista’ jivvota onlajn. Il-votazzjoni hija miftuħa sa nhar il-Ħamis, 6 ta’ Jannar, sat-8pm. Ir-rebbieħ jitħabbar permezz tal-paġna ta’ Replay fuq Facebook, u fil-jiem ta’ wara, issir il-presentazzjoni ta’ dan l-unur lill-gowlkiper rebbieħ u jixxandar servizz speċjali, b’intervista mal-gowlkiper tas-save li jkun ġab l-akbar ammont ta’ voti.

Sabiex tidħol direttament fil-paġna fejn għandek tivvota għas-save tal-għażla tiegħek, tista’ tagħmel dan billi tagħfas hawn.

Ta’ min jinnota l-fatt li fl-aħħar votazzjoni, għall-unur tal-aħjar save ta’ Settembru sponsorjat minn DOVE, kien hemm ‘il fuq minn 1,200 vot differenti, liema ammont jikkonferma l-interess li dan l-unur qed ikompli jġib minn sena għall-oħra grazzi għal inizjattiva oħra esklussiva u b’differenza li jippreżenta Replay għat-telespettaturi tal-futbol domestiku.