Lokali

Mijiet jattendu velja biex titfakkar il-memorja ta’ Paulina Dembska

It-Tlieta saret velja għal Paulina Dembska wara li fl-Ewwel tas-Sena, it-tfajla ta’ 29 sena nqatlet kiesah u biered f’Tas-Sliema.

Mijiet attendew din il-velja fejn poġġew xemgħat u fjuri fuq il-post fejn instabet bla ħajja Dembska… velja li saret mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa biex mhux biss titfakkar il-memorja ta’ Paulina Dembska imma jitwassal messaġġi qawwi kontra l-vjolenza.

Dan wara rapporti li jindikaw li t-tfajla kellha diversi sinjali ta’ vjolenza fosthom marki li jindikaw abbuż sesswali, bil-vittma tipprova teħles u timbutta lill-agressur tagħha waqt li hu kien qed jifgaha.

Il-Fondazzjoni qed tappella lill-Gvern u lill-politiċi biex jieħdu din it-tema bis-serjetà. “Mhu se ninsew qatt isem Paulina, kif mhux se ninsew lanqas l-ismijiet tan-nisa kollha li ġew vjolentati u maqtula fl-aħħar snin”.

Dembska kienet deskritta minn bosta bħala mara umli u li kienet dejjem bi tbissima fuq fommha – lesta biex tgħin, tħobb l-annimali u tħobb ukoll tivjaġġa.

Is-suspettat f’dan il-każ – Abner Aquilina – għandu passat xejn sabiħ, inkluż problemi serji ta’ saħħa mentali.

Iż-żagħżugħ, wara li wettaq il-qtil, mar jiġri lejn il-knisja tal-Karmnu fil-Balluta, li tinsab tefa’ ta’ ġebla bogħod mill-post li fih aggredixxa lil Paulina Dembska, u beda jwerżaq.

Intant, grupp ta’ Pollakki li jgħixu f’Malta u li kienu ħbieb ta’ Paulina Dembska bdew inizjattiva biex jiġbru fondi għall-familja tal-vittma. Dan sabiex isiru l-arranġamenti neċessarji għat-trasport tal-katavru lejn il-Polonja, fejn hemm ikun jista’ jsir il-funeral.