Is-Segretarju tan-NATO Jens Stoltenberg iffissa laqgħa speċjali għall-ambaxxaturi ta’ din l-Alleanza tal-Punent u l-ogħla uffiċjali tar-Russja, bil-għan li jevita konflitt militari bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Id-djalogu kruċjali se jsir il-ġimgħa d-dieħla u meta n-NATO tinsab inkwetata ferm dwar l-aħħar movimenti tal-militar Russu lejn zona tal-fruntiera komuni mal-Ukrajna. Fil-fatt, l-Alleanza tal-Punent ilha x-xhur tipprova tirranġa laqgħa mal-ogħla rappreżentanti tar-Russja u li issa għandha ssir fuq bażi tan-NATO-Russia Council, bħala l-format għal djalogu li ilu jintuża mill-2002.
Intant, il-laqgħa tal-kunsill inkwistjoni se ssir fi Brussell, fit-12 ta’ Jannar – jumejn wara li l l-uffiċjali tal-Istati Uniti u r-Russja jissieħbu f’taħditiet separati dwar is-sigurtà f’Ġinevra, fl-Iżvizzera.
Fi żviluppi oħra, Josep Borrell, bħala d-diplomatiku ewlieni tal-Unjoni Ewropea, jinsab fl-Ukrajna biex juri appoġġ għal dan il-pajjiż li qed jaspira li, xi darba, isir membru uffiċjali tal-UE u tan-NATO
Min-naħa tagħha, ir-Russja qed titlob garanziji li n-NATO ma tkomplix tespandi l-influwenza tagħha lejn il-Lvant tal-Ewropa – b’Moska tinsisti wkoll biex l-Alleanza ttemm il-kooperazzjoni militari mal-Ukrajna u Georgia li t-tnejn jinsabu f’tilwim serju mar-Russja rigward is-sovranità fuq numru ta’ territorji.
//= $special ?>