Lokali

“Quddiem il-problema tal-għoli tal-ħajja, għandna Gvern li għalih qisu xejn m’hu xejn”

Il-Partit Nazzjonalista qed joffri proposti konkreti fosthom li jwaqqaf fond nazzjonali biex tingħata għajnuna lill-industrija lokali

Quddiem ir-realtajiet li qed jaffaċċjaw diversi familji, fosthom dik tal-għoli tal-ħajja, għandna Gvern li għalih qisu xejn m’hu xejn.

Dan kien il-messġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi-Kap David Agius, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura, Sajd u n-Negozji ż-Żgħar Edwin Vassallo u mill-Kandidata għall-Elezzjoni Ġenerali Francine Farrugia.

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius qal li l-Oppożizzjoni ilha tisħaq għal diversi xhur dwar il-problema tal-għoli tal-ħajja, fejn diversi prodotti essenzjali li qed jogħlew b’żieda li hija waħda sproporzjonata. Iżda quddiem dan kollu, il-Gvern ta’ Robert Abela mhux qed jagħti każ li jeżisti dan il-piz qawwi fuq il-familja u mhux jagħti każ il-pontenzjal tal-investiment fil-qasam tal-merkanzija.

David Agius qal li quddiem dan kollu, il-PN qed jisħaq għal azzjoni u soluzzjoni… Gvern ġdid Nazzjonalista jwiegħed li jwaqqaf fond nazzjonali ta’ miljuni ta’ ewro biex tingħata għajnuna lill-industrija lokali. Dan sabiex jittaffew il problemi ta’ spejjeż żejda.

Huwa fakkar kif filwaqt li tal-qalba qed ikomplu jiffangaw, lill-familji Maltin, Gvern Laburista tahom biss 1.75 ewro fil-ġimgħa biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.

David Agius qal li l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li jwettaw investiment massiv li jgħaqqad il-merkanzija minn u lejn pajjiżna. Dan l-investiment mhux biss jipprovdi sistema ta’ ġarr b’anqas intoppi iżda jipprovdi sors ta’ dħul enormi u joħloq għexieren ta’ postijiet tax-xogħol.

“Bħala Oppożizzjoni konxji li bl-għoli tal-ħajja l-iktar persuni li qed ibatu huma dawk li huma l-akatar vulnerabbli, l-anzjani u l-familji bi problemi ta’ mard.”

Min-naħa tiegħu Edwin Vassallo qal li llum il-ġurnata l-għoli tal-ħajja hija realtà… hija problema għal kull min qiegħed fin-negozju, għal kull min huwa bidwi u raħħal. Il-proposti li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonali kapaci jgħinu lill-familji jaffaċċjaw il-problema tal-għoli tal-ħajja… problema li għall-Gvern ta’ Robert Abela… qisu xejn m’hu xejn

Edwin Vassallo qal li l-Gvern ta’ Robert Abela s’issa ma għamel xejn quddiem din il-kriżi. Fakkar li huwa importanti li f’pajjiżna jkollna mekkaniżmu li jibda jrazzan iż-żieda fil-prezzijiet minħabba l-ġarr tal-merkanzija.

Il-Kandidata Francine Farrugia qalet li f’Malta għandna sitwazzjoni diffiċli li qed jiffaccjaw diversi persuni u familji minħabba din id-daqqa tal-għoli tal-ħajja. Dan hekk kif l-għoli tal-hajja qed taffettwa lil diversi nies li mhumiex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar, bil-paga ma sservihomx.

Hija fakkret kif statistika tal-NSO stess tikkonferma li huwa minnu li l-prezzijiet ta’ affarijiet bażici qed ikomplu jiżdiedu. Iżda quddiem dan kollu, il-Gvern Laburista mhux iħoss il-polz tal-poplu Malti u Għawdxi. Farrugia tkellmet ukoll dwar l-importanza li tinbidel is-sitema kif tinħadem il-COLA.