Lokali Unjoni Ewropea

9 MEPs jistaqsu l-Kummissjoni Ewropea dwar finanzjament lill-Electrogas

L-iskandlu tal-proġett tal-Electrogas jibqa’ fl-aħbarijiet internazzjonali hekk kif issa il-Kummissjoni Ewropea għandha quddiemha għadd ta’ mistoqsijiet dwar kif fondi Ewropej jistgħu jiffinanzjaw proġett li fih imdaħħal Yorgen Fenech.

Disa’ Membri Parlamentari Ewropej, immexxija minn Antonio Tajani, kitbu lill-Kummissjoni  biex jistaqsu dwar flejjes mill-fondi Ewropej li se jkunu qed jiffinanzjaw pipeline tal-gass, meta s-sistema preżenti tal-gass f’pajjiżna hija intrinsikament marbuta mal-allegat komplici fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-MPE qed jistaqsu liema azzjoni se tieħu l-Kummissjoni Ewropea biex taċċerta ruħha li fondi Ewropej ma jkunux qed jiffinazjaw proġetti li b’mod dirett jew indirett huma konnessi mal-assassinju ta’  Caruana Galizia.

Fl-istqarrija ffirmata minn Tajani, l-MEPs fakkur kif qabel ma nqatlet, Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga l-proġett tal-powerstation tal-gass. U skont sorsi, kienu propju dawn l-investigazzjonijiet li kienet qed tagħmel li wasslu għall-assassinju tagħha.

Il-MPE kwotaw iben il-ġurnalista assassinata fejn qal li dan it-tip ta’ finanzjament mhux aċċettabbli, filwaqt li fakkru wkoll fil-ħafna drabi li l-Unjoni Ewropea faħħret xogħol il-ġurnalista Maltija assassinata, u saħansitra waqqfu premju li jġib isimha.

Għaldaqstant jekk l-Unjoni Ewropea tgħaddi fondi għal proġett li minnhom b’xi mod jibbenefika r-raġel akkużat bl-assassinju ta’ Caruana Galizia dan ikun aġir inkoerenti u disrispettuż lejn il-memorja tagħha.

Tajani u l-MEPs l-oħra qed jistennew ir-reazzjoni tal-Kummissjoni dwar x’se jkun il-pass li jmiss b’rabta ma’ dan il-finanzjament li qed joħloq kontroversja fil-kurituri ta’ Brussell.