Lokali

Ġurnali indipendenti nnutaw kif “Abela reġa’ injora proċess demokratiku”

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Robert Abela reġa’ għamilha. Għal darb’oħra, minn kemm ilu li ħa post Joseph Muscat, injora totalment il-proċess demokratiku.

Hekk iddikjara l-ġurnal The Malta Independent, fl-Editorjal tiegħu, wara l-mod kif il-Prim Ministru għażel li jkompli jimmanipola l-Grupp Parlamentari tiegħu billi ma jsirx il-proċess demokratiku tal-elezzjoni każwali, iżda qabad u daħħal lil min irid hu.

It-Tnejn li għadda Abela għamel din il-mossa għall-ħames darba minn kemm ilu jmexxi lil-Labour, bl-għażla ta’ Andy Ellul wara r-riżenja ta’ Silvio Grixti. Qablu, Abela diġà daħħal lil Miriam Dalli, Clyde Caruana, Jonathan Attard u Oliver Scicluna … bi tnejn minnhom saħansitra jitfagħhom fil-Kabinett.

Ironikament, minkejja li l-Partit Laburista kien tela’ fil-Gvern bl-għajta li kellu jkun l-aktar Gvern femminista fl-istorja, mill-ħames persuni magħżulin direttament minn Abela fl-aħħar sentejn, kien hemm biss mara waħda…. bl-erbgħa l-oħra jkunu rġiel.

Il-ġurnal jgħid illi jidher ovvju li l-fatt li ħadd mill-Kandidati tat-tielet distrett ma tefa’ ismu għall-elezzjoni każwali seħħ wara manuvri interni li kellhom il-barka ta’ Abela nnifsu. U dan l-istil repetut ma hu xejn ħlief sinjal ta’ awtokrazija – jew fi kliem sempliċi dittatorjat jew tirannija.

Filwaqt li fakkar fil-manuvrar biex dan il-proċess s’issa sar għal ħames darbiet, il-ġurnal ifakkar fl-aktar manuvra klassika – jew kif isejjaħlu farsa – meta ntagħżel Oliver Scicluna.

Dan hekk kif, mar-riżenja ta’ Edward Scicluna biex dan isir Gvernatur tal-Bank Ċentrali, fl-elezzjoni każwali kien elett Gavin Gulia, li mal-ġurnalisti kien iddikjara li kien se jerħi l-kariga fit-tmexxija tal-Awtorità tat-Turiżmu biex iservi fil-Parlament. Madankollu, ftit minuti biss wara li ħa l-ġurament, hu kien informa lill-Ispeaker tal-Kamra li kien qed jirriżenja minn Membru Parlamentari u baqa’ Chairman tal-MTA… b’Oliver Scicluna jkun il-magħżul ta’ Abela biex jispiċċa fil-Parlament.

Il-ġurnal itemm li l-mod kif Abela qed jilgħab bil-proċess elettorali jħalli ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba – meta dan suppost hu wieħed mill-pedamenti tad-demokrazija – biex jagħżel biss lin-nies li jogħġbu lilu.

Sadanittant, l-istess tema kienet is-suġġett tal-Editorjal tat-Times of Malta, li qal li l-proċess għandu jkun evitat għax ir-rappreżentanti tal-poplu għandhom ikunu magħżulin direttament mill-poplu.

Iżda jista’ jkun, spjega l-ġurnal, li Abela kellu jirrikorri għal dawn l-għażliet għax ma rnexxielux jeħles qabel minn xi persuni li għad għandu fil-Grupp Parlamentari jew li almenu jieħu azzjoni drastika fil-konfront tagħhom. Għax minkejja li jkunu d-Deputati li għamlu l-ħażin, ir-responsabbiltà xorta tibqa’ ta’ Abela.