Lokali

“Hawn negozji li qed joperaw b’terz inqas tal-ħaddiema” – Kamra tal-Kummerċ

In-negozji f’pajjiżna qed iħabbtu wiċċhom ma aktar sfidi meta l-firxa tal-pandemija fil-gżejjer Maltin tefgħet għexieren ta’ eluf ta’ persuni fi kwarantina.

Dan il-fattur poġġa pressjoni ġdida fuq ħafna postijiet tax-xogħol.

Marthese Portelli, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, f’kummenti li tat lil dan il-ġurnal illi spjegat kif diversi setturi ġew effettwati mill-kwarantina. Hija qalet li bħalissa numru ta’ membri tal-Kamra tal-Kummerċ qed jaħdmu b’numru ridott ferm ta’ ħaddiema, min b’20%  inqas u min sa 35% inqas. Fost is-setturi li qed iħabbtu wiċċhom ma’ din is-sitwazzjoni hemm is-settur tal-manifattura u dak tat-turiżmu.

Portelli qalet li tul dawn is-sentejn tal-pandemija, is-sidien tan-negozji Maltin fil-biċċa l-kbira tagħhom raw kif għamlu biex mhux biss iżommu x-xogħol għaddej, imma wkoll biex jissalvagwardjaw is-saħħa tal-ħaddiema tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ qalet li fl-aħħar sentejn kien hemm sitwazzjonijiet fejn mil-lum għal għada jew saħansitra mil-lum għal-lum, min iħaddem irranġa biex ħaddiema li sabu ruħhom f’diffikultà biex jaħdem fiżikament fil-post tax-xogħol ikun jista’ jaħdem mid-dar.

Madankollu hija qalet li rridu nirrikonoxxu l-fatt li mhux kull xogħol jista’ jsir b’mod remot.

Intant fl-isfond tas-sitwazzjoni preżenti, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem ħarġet direttiva lill-membri tagħha sabiex il-ħaddiema kollha li ma jmorrux għax-xogħol mingħajr ebda awtorizzazzjoni mill-imgħallem tagħhom, dan jitqies bħala leave bla ħlas.

L-MEA qalet li li hija prerogattiva ta’ min iħaddem li jiddeċiedi jekk il-ħaddiema jaħdmux mid-dar jew jattendux fiżikament fil-post tax-xogħol.