Lokali

Il-femiċidju ta’ Paulina Dembska huwa sejħa għall-azzjoni biex tiġi indirizzata l-inugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà tagħna – NCPE

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) esprimiet is-swied il-qalb u r-rabja tagħha għall-femiċidju ta’ Paulina Dembska.

Paulina Dembska ġiet abbużata sesswalment u nqatlet, allegatament minn raġel li ma kinitx tafu u mhux qarib tagħha, waqt li hija kienet qiegħda titma’ il-qtates f’Tas-Sliema. Dan huwa każ ċar ta’ vjolenza fuq in-nisa, jiġifieri vjolenza li seħħet għax Paulina “kienet mara”. Il-possibbiltà li l-aggressur ibati minn kwistjonijiet ta’ saħħa mentali bl-ebda mod ma jiġġustifika jew jiskuża l-mottiv misoġinista ta’ dan il-qtil.

In-nisa huma konxji mill-firxa ta’ forom differenti ta’ fastidju u abbuż li jsofru waqt li jiffrekwentaw postijiet pubbliċi u waqt il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Għalkemm il-qtil ta’ Paulina huwa l-aktar forma estrema ta’ poter u kontroll f’soċjetà patrijarkali, il-manifestazzjonijiet ta’ din il-mentalità – minn catcalling u tbagħbis mhux mixtieq, għal rappreżentazzjonijiet sessisti fil-midja u fastidju esperjenzat min-nisa u l-bniet – jinsabu kullimkien madwarna.

Il-femiċidju ta’ Paulina Dembska għandu jservi bħala sejħa biex jiġu eżaminati u indirizzati bis-serjetà r-relazzjonijiet ta’ poter inugwali bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà tagħna. Dan jinvolvi sforz kollettiv mis-setturi u l-awtoritajiet kollha, u miċ-ċittadini u r-residenti kollha, kemm nisa kif ukoll irġiel. L-inugwaljanza bejn is-sessi teħtieġ li tiġi indirizzata permezz ta’ politiki li jqisu l-kwistjonijiet tas-sess u permezz tal-eradikazzjoni tas-sessiżmu mill-isferi kollha tal-ħajja, inklużi fil-midja onlajn, fix-xandir, kif ukoll is-sessiżmu istituzzjonalizzat. Barra minn hekk, l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tkun integrata fil-forom kollha tal-edukazzjoni formali u informali, u għandhom jiġu żviluppati għodod edukattivi effettivi biex jgħinu dan il-proċess.

It-terminu ‘femiċidju’ jiġbed l-attenzjoni tagħna għall-fatt li r-responsabbiltà għal dan ir-reat daqstant faħxi tinsab ukoll fil-kuntest soċjali li jippermetti din il-vjolenza abbażi tas-sess. Spazji pubbliċi u privati li huma ugwalment sikuri għan-nisa u għall-irġiel jistgħu jiġu żviluppati biss billi jiġu sfidati b’mod attiv il-forom differenti ta’ inugwaljanza bejn is-sessi fl-isferi differenti tas-soċjetà.