Lokali

Il-Ġirbin urtati: “aħna tal-Birgu jixirqilna aħjar”

Post twil fuq Facebook mill-Birgu Regatta Club jirriproduċi email li ntbagħtet lill-Prim Ministru wara li l-Ġirbin spiċċaw totalmement injorati.

Il-post qal li r-residenti tal-Birgu jinsabu ferm diżappuntati u mweġġa’ li qed jiġu trattati b’dan il-mod u elenkaw lista ta’ punti.

Fost dawn semmew l-islipway li kellha tinbena xhur ilu, u li llum tinsab fi stat diżastruż li ma tistax tintuża meta d-dilettanti tar-regatta jridu jibdew it-taħriġ tagħhom għat-tiġrijiet ta’ Marzu. Huma qalu li saħansitra persuni mqabbda minn Infrastructure Malta biex jispezzjonaw ix-xogħol iddeskrivewh bħala ‘tal-biki’. Meta kellmu lill-Perit responsabbli, u esprimew id-diżappunt bil-livell baxx tax-xogħol, il-Perit weġibhom li jistgħu ‘ikellmu l-Allat kollha’.

Il-Ġirbin ilmentaw dwar id-diżastru li hemm quddiem il-maħżen tar-regatta minħabba xogħolijiet fuq latrina li ilhom għaddejjin minn April tas-sena li għaddiet.

Iżda l-aktar li huma urtati għall-fatt li l-wegħda ta’ maħżen ġdid – proġett li l-pjanti għalih ilhom lesti s-snin.

Fl-email li ntbagħtet lill-Prim Ministru kitbu li wara ħafna wegħdiet Novembru li għadda intqalilhom li kien se jingħata tender u li x-xogħol kien se jibda f’Jannar. Kien hawn li l-Ġirbin talbu li qabel ma jibda x-xogħol jiġu infurmati sabiex jilħqu jsibu post alternattiv min fejn ikunu jistgħu joperaw. Sa issa bgħatu 3 emails fejn intalbet informazzjoni dwar meta se jibda x-xogħol ħalli jsiru t-tħejjijiet loġistiċi pero tweġiba lura qatt ma waslet.

Id-dilettanti tar-Regatta fakkru li dan il-proġett tal-maħżen il-Ġirbin ilhom is-snin jistennewh. “Aħna komunità żgħira imma b’qalb kbira u ma nistgħux inkomplu naqilgħu fuq wiċċna speċjalment fejn tidħol infrastruttura sportiva”.

Intant wara li l-ħaddiema abbandunaw ix-xogħol li tħabbar b’tant pompa minn Ian Borg f’April li għadda, l-imħażen fejn jinżammu d-dgħajjes tar-regatta spiċċaw invażati bil-ġrieden.

Ian Borg waqt it-tnedija tal-proġett li tħalla nofs leħja

Passi tal-ġrieden fuq id-dgħajjes fl-imħażen
Ħmieġ tal-ġrieden fuq id-dgħajjes tar-regatta