Lokali

Il-Gvern għadu qed jinsisti li l-Wage Supplement sal-aħħar ta’ Jannar

Owen Bonnici jisħaq li l-Gvern dejjem kien konsistenti fil-qasam tal-Edukazzjoni

Diversi kumpaniji, negozji, assoċjazzjonijiet u unions għadhom f’limbu għal dak li jistgħu jkunu qed iħabbtu wiċċhom miegħu eluf ta’ ħaddiema malli jgħaddi x-xahar ta’ Jannar.

Dan hekk kif il-Gvern tal-Labour iddeċieda li jestendi l-wage supplement sal-aħħar ta’ dan ix-xahar biss, bil-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-wage supplement għandu jkun estiż sa tal-inqas l-aħħar ta’ Marzu minflok sat 3 ġimgħat li ġejjin biss.

Bosta kienu dawk li qablu ma din il-proposta, inkluż l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti li saħqet li l-industrija tal-ospitalità tinsab f’riskju li ssofri ħsara irreparabbli jekk is-sussidju tal-pagi jitwaqqaf b’dal mod ħesrem f’perjodu daqshekk sensittiv. Ingħad li din l-għajnuna qed iżomm eluf ta’ pagi ta’ impjegati f’dan il-qasam, u l-waqfien tagħha jaf ikollha konsegwenzi devastanti.

Minkejja dawn l-appelli kollha il-Gvern Laburista s’issa qed jiddeċiedi li jħalli lil dawn l-eluf ta’ ħaddiema imdendlin f’dubju qawwi dwar x’se jseħħ mill-pagi tagħhom.

Net News staqsa lill-Ministru Owen Bonnici jaħsibx li hemmx bżonn li l-wage supplement jiġi estiż. Madanakollu, il-Ministru responsabbli mill-Irkupru mill-Covid, għażel li jaħrab milli jwieġeb id-domandi tagħna.

Fil-verita’, kull ma saħaq il-Prim Ministru kien li meta jasal l-aħħar ta’ Jannar jaraw jekk hemmx il-ħtieġa li l-wage suppliment jiġix estiż jew le…mingħajr ebda garanzija li dan se jseħħ.

Bħala membru tal-Kabinett kif ukoll eks Ministru tal-Edukazzjoni, saqsejna wkoll lil Owen Bonnici jekk jaħsibx li fid-dawl taż-żieda fil-każi u fl-eluf ta’ persuni taħt kwarantina..mingħajr s’issa ebda sinjal ta’ rażan… l-iskejjel għandhomx jiftħu b’mod fiżiku aktar tard mill-10 ta’ Jannar. Hawn, il-Ministru sostna li l-Gvern kien dejjem konsistenti f’dan il-qasam…minkejja bidla ta’ 4 Ministru f’leġislatura waħda…inkluż hu.

Huwa proprju għalhekk li bosta ġenituri u edukaturi huma mħassba hekk kif wara sentejn f’pandemija il-Gvern tal-Labour ma saħħaħx biżżejjed is-sistemi ta’ lezzjonijiet online u għadu jqis lill-għalliema bħala babysitters.

Bosta spjegaw li mill-10 ta’ Jannar se jkun hemm diversi klassijiet li nofshom ikunu l-iskola…u n-nofs l-ieħor xorta waħda jsegwu l-lezzjoni mid-dar minħabba kwarantina.  Għaldaqstant il-Gvern ta’ Robert Abela għadu qed jistina rasu ankè f’dan il-qasam, bil-unjins tal-għalliema jinsistu li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin hekk kif fil-jiem li ġejjin numru ta’ skejjel se jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi varji, inkluż nuqqas ta’ staff sabiex l-iskejjel joperaw b’mod fattibli u serju.