Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed inkomplu nikkonfermaw li l-Gvern irid ikompli jonfoq mingħajr għaqal il-flus li ġew fdati lilu mill-poplu.
Hekk qal Joe Grech, President tal-Kumitat Eżekuttiv u Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, f’konferenza tal-aħbarijiet li trattat it-tberbiq tal-flus li l-Gvern qed jagħmel u li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed joħroġ fil-beraħ.
Grech qal li filwaqt li lin-nies il-Gvern tahom €1.75, dawk tal-klikka qed ikomplu jberbqu; fosthom l-eks Ministru Justyne Caruana, li tat 15,000 ewro lis-sieħeb tagħha għal xogħol li sar minn ħaddieħor.
U minkejja l-appelli biex tintrefa’ r-responsabbiltà politika u tintalab tirriżenja, Robert Abela baqa’ ma ħax passi, tant li Justyne Caruana rriżenjat waħedha u se tingħata 30,000 ewro bħala golden handshake.
L-istess dwar l-iskandlu tal-Vitals, li minkejja li l-Partit Nazzjonalista ilu jindika l-irregolaritajiet li hemm f’dan il-kuntratt, issa skoprejna wkoll li l-Gvern ħallas miljun u 300,000 ewro għal spejjeż anċillari, minkejja li dawn kellhom jitħallsu minnhom.
Każi riċenti oħrajn ta’ tberbiq ta’ flus kienu l-mod kif il-Ministru Silvio Schembri approva kirja ta’ żewġ miljun ewro fis-sena għal binja bħala uffiċini ġodda għall-anqas minn 140 ħaddiem li għandu l-Malta Business Registry, kif ukol li l-Aġenzija għall-Faċilità Korrettiva nefqet aktar minn żewġ miljun ewro minn kemm suppost kellha tonfoq għal proġett ta’ cameras tas-sigurtà.
Min-naħa tiegħu, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja Joe Giglio qal li l-Gvern għandu responsabbiltà akbar ta’ x’jagħmel bil-miljuni li jkun fdat biex suppost jużahom fl-aħjar interess ta’ kulħadd.
Hu indirizza lil dawk li jirraġunaw li ma jinteressahomx għax l-aqwa li huma personalment komdi billi qalilhom li kemm huma stess, kif ukoll min mhux daqstant komdu setgħu gawdew minn dawn il-flus.
Fost l-oħrajn elenka kif il-Gvern ta’ Robert Abela nefaq nofs miljun ewro biex jagħmel propaganda għall-Budget, meta dawn setgħu jintużaw ħafna aħjar.
Fl-istess waqt, innota kif fid-dawl tal-mod kif qed jitberbqu l-flus fil-Malta Business Registry, il-Gvern se jħallas għall-irranġar tal-post biex, fl-aħħar tal-kirja dawn jibqgħu tal-privat meta setgħet tintuża’ binja tal-Gvern.
//= $special ?>