Lokali Qorti

Il-Qorti milquta mill-Covid, b’kawżi differiti wara li xi ħaddiema rriżultaw pożittivi: Miżuri f’ġuri li se jibda l-Ħamis

Irriżulta li numru ta’ ħaddiema tal-Aġenzija tal-Qorti ħarġu pożittivi għall-Covid-19 u dan qed itellef numru ta’ kawżi li kienu assenjati għal dawn il-jiem. Il-ġimgħa li għaddiet ir-reġistru kriminali tal-Qorti kellu wkoll jagħlaq għal xi ħin wara li kien hemm xi ħaddiema li ntbagħtu d-dar wara li ttestjaw pożittivi.

Seduti tal-Maġistrat Lara Lanfranco ġew differiti minħabba l-pandemija b’ħaddiema li kienu f’bubble jispiċċaw pożittivi u għalhekk kemm huma kif ukoll dawk li jaħdmu spalla ma’ spalla magħhom spiċċaw kwarantina. Xi ħaddiema tal-Maġistrat Noel Barolo jinsabu wkoll pożittivi għall-Covid 19.

Ħafna ħaddiema tal-Qorti jinsabu inkwetati dwar dak li qed jiġri fil-Qorti minħabba li jidher kif ġara s-sena l-oħra li l-pandemija qed tgħolli rasha. Fil-fatt ħafna huma dawk li qegħdin jistennew li l-Ħamis li ġej meta se jibda jinstema’ l-ġuri ta’ Vincent Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” fuq il-hold-up tal-HSBC aktar minn 11-il sena ilu, jista’ jżid in-numru ta’ persuni pożittivi.

Miżuri biex jiġu evitati l-problemi

Ir-raġuni hija li mad-90 persuna li kienu ġew mgħarrfa mill-Qorti li jistgħu jinqabdu bħala ġurati potenzjali. Dawn il-persuni normalment jintalbu biex imorru fl-awla 22 fejn isir il-ġuri u minnhom jintagħżlu 12 biex iservu fil-ġuri. Net News huwa nfurmat li għall-ġuri ta’ Muscat, il-persuni li ġew nfurmati biex jattednu l-Qorti se jitpoġġew f’awli differenti u jsegwu l-polza permezz ta’ video conference.

Dawn biex ma jitħalltux u tinżamm id-distanza. Wara li jsir il-proċess tal-għażla tal-ġurati, dawk li ma jinqabdux jħallu l-Qorti ftit ftit biex ma jkunx hemm taħlit li jista’ jikkawża l-problemi. Mhux magħruf jekk dawn il-persuni humiex imlaqqmin b’mod komplet jew inkella jingħatawx struzzjonijiet biex jagħmlu test sabiex ikun magħruf jekk humiex pożittivi jew le għall-COVID-19.