Coronavirus Ekonomija Lokali

Il-UĦM tesprimi tħassib li l-ħaddiema bi tfal żgħar qed jintesew; il-Kamra tal-Kummerċ tappella għad-djalogu

Meta fi ftit tal-jiem oħra jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel u l-istudenti jerġgħu isibu rwieħhom fil-klassijiet, għad hemm opinjonijiet differenti dwar jekk dan hux se joħloq problemi għall-ġenituri li jaħdmu.

Fost dawk li kienu voċiferi ferm fuq din il-kwestjoni hemm il-UĦM Voice of the Workers li ftit tal-jiem ilu tat direttiva biex ħaddiema li n-natura tax-xogħol tagħhom ma tippermettix, jingħataw dmirijiet alternattivi biex ikunu jistgħu jaħdmu mid-dar.

Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM qal li hawn numru kbir ta’ ħaddiema ġenituri li m’għandhomx fejn iħallu lit-tfal. Dan minbarra l-kumplikazzjoni ta’ tfal li jridu jkunu kwarantinati filwaqt li l-ġenituri ma jistgħux iħalluhom ma ħadd.

Minn naħa tagħha, Marthese Portelli,, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ fakkret dwar id-differenza bejn lezzjonijiet fil-klassi u lezzjonijiet online. Hi qalet li llum hu fatt magħruf li xejn ma jieħu post it-tagħlim fil-klassi. Portelli qalet li rridu naraw li r-riskji kemm jista’ jkun innaqsuhom mingħajr ma nħallu la impatt kbir fuq min iħaddem, la fuq il-ħaddiem, u lanqas fuq l-istudenti.

Josef Vella esprima tħassib li l-ġenituri ghadhom qed jintesew mill-awtortitajiet u fakkar li dawn il-ġenituri diġà qed jagħmlu l-parti tagħhom biex jgħinu l-ekonomija tal-pajjiż billi jmorru għax-xogħol, imma ma tistax tinsa li dawn huma wkoll ġenituri. Hu qal li jidher li biex tfasslu l-miżuri, la kienu kkonsultati min iħaddem u lanqas il-unions tal-ħaddiema.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ ukoll appellat għal aktar djalogu u diskussjonijiet bejn l-istakeholders sabiex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet mingħajr ma jkun hemm direttivi unilaterali.

Fil-kummenti li tana, Josef Vella tenna l-bżonn li l-miżuri jkunu konsistenti għal kulħadd u ma jinħolqux aktar anomaliji. Hu semma kif bħalissa student ta’ 18-il sena qed jintalab jibqa’ d-dar u jsegwi l-lezzjonijiet online, filwaqt li ħaddiem tal-istess età mistenni jattendi għax-xogħol b’mod fiżiku u sostna li l-virus ma jagħmilx distinzjoni bejn post tax-xogħol u skola.