Lokali

It-‘Topo’ jammetti l-involviment fl-attentat ta’ hold-up fuq l-HSBC; mistenni jeħel 10 snin ħabs

Ftit tal-ħin ilu fil-Qrati tal-Ġustizzja l-Awla tal-Imħallef Giovanni Grixti nfetħet b’urġenza fejn kienet ippreżentata nota mill-Avukat Edward Gatt f’isem il-klijent tiegħu Darren Debono ‘It-Topo’ fejn ammetta l-involviment tiegħu fil-hold-up fuq il-fergħa tal-HSBC ta’ Ħal Qormi fl-2010. Dan probabbilment se jwassal biex Darren Debono jeħel sentenza ta’ għaxar snin u nofs priġunerija.

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ netnews.com.mt tard illejla qaluna li “colpo di scena” għaliex kemm ilu jservi fil-Qorti għal għexieren ta’ snin qatt ma esperjenza ħaġa bħal din fejn lejliet ġuri mill-aktar importanti – dak li se jibda għada filgħodu fejn Vince Muscat ‘Il-Koħħu’ se jkun qed jgħaddi ġuri dwar l-istess hold-up ta’ tnax-il sena ilu fejn dakinhar kienu sparati xejn inqas minn 76 tir ta’ arma tan-nar.

L-Avukat Edward Gatt illejla ppreżenta b’urġenza n-nota f’isem Darren Debono li b’hekk issa se jkun jista’ jixhed – kif fil-fatt se jagħmel – fil-konfront ta’ Vince Muscat. Is-sentenza mill-Imħallef Giovani Grixti mistennija tingħata għada filgħodu qabel ma’ fil-fatt jibda l-ġuri ta’ Vince Muscat.

Kemm fil-kamp tal-Ġudikatura, kemm fil-kamp tal-Prosekuzzjoni u d-Difiża ta’ dan il-ġuri, l-iżviluppi tal-lejla jistgħu jitqiesu sa ċertu punt bħala sajjetta fil-bnazzi għaliex b’din l-ammissjoni issa Darren Debono se jkun jista’ jikkollabora u jiżvela fatti mill-aktar importanti mhux biss dwar it-thejjija ta’ dak il-hold-up, imma anki x’ġara dakinhar tiegħu u fil-jiem u l-ġimgħat ta’ wara.

F’dan il-ġuri Vince Muscat se jkun qed jiġi difiż mill-Avukati Franco Debono u Robert Montalto.

Sadattant għada filgħodu quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti, il-Qorti trid tibda biex tiddeċiedi jekk l-Eks Uffiċjal tal-Pulizija Kenneth Ciangura jitħalliex jixhed jew le.

Tajjeb li wieħed ifakkar li Kenneth Ciangura kien intlaqat minn tir waqt l-isparatura u dan wassal biex, skont hu, baqa’ jsofri minn stress post trawmatiku. Għall-Prosekuzzjoni, ix-xhieda ta’ Kenneth Ciangura hi waħda mill-aktar importanti.

Iżda Kenneth Ciangura qed jitlob lill-Qorti biex minflok jippreżenta x-xhieda tiegħu bil-miktub u li l-ġurija tingħata kopja ta’ din ix-xhieda.

Tajjeb li wieħed ifakkar li l-istess Kenneth Ciangura kien spjega waqt il-kumpilazzjoni li kien ra tlett irġiel lebsin ġlekk u parrokka meta kienu ħerġin mill-bini. Dan wara li l-Pulizija kienet irċeviet rapport li kien hemm karozza suspettuża qrib l-HSBC u meta daħal fil-bini, dawn daħlu lura fil-bini.

Kien hawnhekk li bdew l-isparaturi bejn il-Pulizija u t-tlett ħallelin sakemm fil-post waslu aktar Pulizija u l-isparar issokta, anki għaliex l-istess Kenneth Ciangura kien spara tiri ta’ twissija u ta’ avvertiment għall-kollegi tiegħu Pulizija.

Tajjeb li nfakkru wkoll li minn naħa tiegħu Vince Muscat ‘Il-Koħħu’ kien ammetta li kellu rwol fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija f’Ottubru tal-2017 permezz ta’ bomba mpoġġija f’karozza u kien kundannat 15-il sena priġunerija. Barra minhekk hu ngħata wkoll il-Maħfra Presidenzjali għas-sehem tiegħu fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop.

Dwar dan il-każ, Vince Muscat kien għamel żewġ talbiet oħra għall-Maħfra Presidenzjali dwar ir-rwol tiegħu f’din is-serqa u allega li żewġ Ministri, wieħed minnhom li għadu f’din il-kariga, kienu involuti fl-ippjanar ta’ dan il-hold-up.