Ekonomija Lokali

AĠĠORNATA: Jiżdiedu l-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib lokali

Minn nhar is-Sibt għolew il-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib.

Dan hekk kif il-kumpanija Benna avżat lill-ħwienet u s-supermarkets b’lista ġdida ta’ prezzijiet li bihom se jibdew jinbiegħu il-prodotti.

Iż-żidiet huma kif ġej:

  • Żieda ta’ 10ċ fuq il-ħalib tal-kulur minn €0.70 għal €0.80
  • Żieda ta’ 15ċ fuq il-ħalib Limited Edition minn €0.75 għal €0.90
  • Żieda ta’ 40ċ fuq il-krema friska tal-250ml minn €0.70 għal €1.10
  • Żieda ta’ 53ċ fuq il-krema friska tal-500ml minn €1.37 għal €1.90
  • Żieda ta’ bejn 7ċ u 10ċ fuq il-yoghurts
  • Żieda ta’ 15ċ fuq il-ġbejniet friski minn 75ċ għal 90ċ
  • Żieda ta’ 20ċ fuq il-mozzarella friska ta’ 125gm minn €1.30 għal €1.50
  • Żieda ta’ 45ċ fuq il-mozzarella friska ta’ 150gm minn €1.45 għal €1.80
  • Żieda ta’ 45ċ fuq l-irkotta ta’ 250gm minn €1.30 għal €1.75
  • Żieda ta’ 55ċ fuq il-mozzarella tal-pizza ta’ 250gm minn €1.80 għal €2.35
  • Żieda ta’ 31ċ fuq il-butir minn €2.52 għal €2.85
  • Żieda ta’ €1.98 fuq il-mozzarella tal-pizza tal-1kg minn €6.92 għal €8.90
  • Żieda ta’ €2.60 il-kilo fuq il-ġbejniet imħawwra u dawk bojod minn €9.40 għal €12.00

Il-kumpanija bħalissa qed taffaċja piż kbir minħabba li żdied il-prezz tal-ġwież u l-għalef li ġej minbarra.

Persuni li jaħdmu f’dan is-settur qalulna li dawn huma piżijiet li ilhom jiżdiedu numru ta’ xhur, iżda ftit li xejn qed isibu appoġġ minn naħa tal-Gvern.

Minn naħa l-oħra, bosta familji li għamlu kuntatt ma’ Net News qalulna li dan huwa piż addizzjonali fuqhom għaliex il-prodotti tal-ħalib huma fost l-aktar li jiġu kkunsmati.

Omm li taħdem part-time spjegatilna l-frustrazzjoni tagħha għall-fatt li l-Prim Ministru jiġi jiftaħar li għamel Budget suppost bla taxxi, imbgħad familja tibda tara dawn iż-żidiet bl-addoċċ. “Dan mhux il-ħalib biss – żdied l-ikel kollu, biex ma nsemmux il-mediċini”, qaltilna din il-mara.