Huwa importanti li l-ħidma sabiex ir-realtajiet u l-ħtiġijiet tal-membri tal-komunità LGBTIQ jibqgħu jiġu indirizzati … grazzi għal dan il-kontribut ta’ diversi studenti, letturi u esperti.
Sostniet dan Gabi Calleja mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bnidem, hekk kif l-Erbgħa filgħodu ġiet mnedija t-tieni pubblikazzjoni ta’ ‘Mapping the Rainbow’ b’kollaborazzjoni fost oħrajn mal-Università ta’ Malta, Europe Direct u l-MGRM.
Fit-tnedija ġie spjegat li din il-pubblikazzjoni saret wara simpożju ta’ riċerka li sar online mifrux fuq jumejn … liema simpożju rreġistra d-doppju ta’ attendenza minn dak preċedenti – fatt illi juri kif l-interess f’dan il-qasam dejjem qiegħed jikber.
Din il-pubblikazzjoni tkompli tixħet aktar dawl fuq il-komunità LGBTIQ u l-isfidi li tħabbat wiċċha magħha grazzi wkoll għas-sehem ta’ diversi akkademiċi fosthom il- Viċi Dekan fi ħdan il-Fakultà tal-Benesseri Soċjali Claire Azzopardi Lane li spjegat dwar l-importanza ta’ riċerka kontinwa.
Fost il-persuni li taw is-sehem tagħhom f’din il-pubblikazzjoni hemm Colette Farrugia Bennet, ħaddiema soċjali u membru tal-MGRM illi wettqet ir-riċerka tagħha fl-Ingilterra rigward il-ġenituri tal-persuni li jkunu għaddejjin minn tranżizzjoni tal-identità tal-ġeneru…għaliex fi kliemha stess, l-ebda żagħżugħ ma jgħix f’vacuum.
Hija saħqet li huwa importanti li l-ġenituri jingħataw is-sostenn kollu meħtieġ, inkluż minn ġenituri oħra li jkunu għaddew minn esperjenzi simili sabiex ikunu jafu kif għandhom jgħinu lil uliedhom.
Din il-pubblikazzjoni hija waħda immirata wkoll sabiex isservi ta’ taħriġ għal professjonisti fil-qasam.
//= $special ?>