Futbol Sport

Newcastle bi ftehim ma’ Atletico Madrid għal Kieran Trippier… Arsenal b’offerta għal Dusan Vlahovic

Newcastle jidher li laqħu ftehim ma’ Atletico Madrid għad-difensur laterali Kieran Trippier. Rapporti fil-media Ingliża qed jindikaw li Newcastle se jħallsu s-somma ta’ £12-il miljun għad-difensur ta’ 31 sena. B’hekk l-internazzjonali Ingliż se jkun l-ewwel trasferiment maġġuri għas-sidien il-ġodda ta’ Newcastle, konsorzju mis-Arabja Sawdija. Newcastle urew ukoll interess fl-attakkant ta’ Arsenal Pierre-Emerick Aubameyang, hekk kif wara li tneħħa minn captain, Arsenal qed iħarsu li jbiegħu lill-attakkant tal-Gabon matul dan is-suq ta’ trasferimenti.

Intant, Arsenal jidher li daħlu offerta ta’ £50 miljun għall-attakkant ta’ Fiorentina Dusan Vlahovic. Arsenal qed joffru wkoll lill-midfielder Urugwajan Lucas Torreira bħala parti mill-offerta, b’Torreira jinsab b’self sal-aħħar tal-istaġun mal-istess Fiorentina. Arsenal jidher ukoll li qegħdin fuq quddiem biex jiksbu l-firma tal-attakkant Żvediż Alexander Isak mingħand Real Sociedad. Isak kien strumentali għall-Iżvezja fil-Euro 2020 u jista’ jkun il-plejer idejali biex jieħu post Aubameyang mal-Gunners.