‘Pajjiżna għandu bżonn kbir li jitnaddaf mill-korruzzjoni u li jirriabilita ismu’.
Hekk saħaq Robert Aquilina, l-President tal-għaqda Repubblika waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem l-isptar San Luqa…fejn fakkar f’rikors li għamlet Repubblika lura f’Mejju tal-2019 – rikors li fih l-għaqda saħqet li il-Ministri Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna kienu taw vantaġġ inġust u illegali lis-sidien ta’ kumpanija privata biex tkun hi li tingħażel – kif fil-fatt seħħ – biex tidħol għal kuntratti b’valur ta’ iktar minn żewġ Biljun Ewro għat-tmexxija tat-tliet sptarijiet. Din il-kumpanija ntagħżlet minkejja li ma kellha assolutament l-ebda esperjenza fil-qasam mediku.
Minn meta bdiet din l-inkjesta sal-lum, għaddew sentejn u tmien xhur u ġew ppubblikati żewġ rapporti li jċanfru il-Gvern għal dawn id-deals.
Repubblika saħqet ukoll li bħalma baqgħu b’idejhom fuq żaqqhom Lawrence Cutajar u Ian Abdilla, illum qed jibqgħu b’idejhom fuq żaqqhom Angelo Gafà u Alexandra Mamo.
Minkejja li huma obbligati li jinvestigaw dawn l-oxxenitajiet, Gafà u Mamo qed jagħmlu bħall-predeċessuri tagħhom u mhumiex iwettqu dmirhom lejn il-poplu Malti u Għawdxi.
Huma saħqu li f’dawn il-jiem kellhom informazzjoni li qed issir pressjoni politika qawwija biex il-pulizija ma tressaq il-Qorti lill-ebda politiku Laburista – tal-preżent jew tal-passat – fuq korruzzjoni qabel l-elezzjoni ġenerali – pressjoni li, jekk vera, hija skandlu.
Robert Aquilina temm jgħid li pajjiżna għandu bżonn kbir li jitnaddaf mill-korruzzjoni u li jirriabilita ismu għaliex jekk dan ma jsirx… mhux ser inkunu nistgħu ninqalgħu mill-lista l-gżira.
//= $special ?>