Huwa tal-mistħija li tul dawn is-snin kollha ma nbidel assolutament xejn fl-Isptar Monte Karmeli. Hemm bżonn li dan l-isptar ikun xi ħaġa tal-passat; pajjiżna jixraqlu sptar mentali li verament jindirizza l-ħtiġijiet tal-pazjenti.
Sostna dan l-opinjonista Karl Schembri hekk kif fit-Times tal-Ħadd stqarr li dawk kollha li ġew bżonn il-kura f’dan l-isptar jisħqu fuq il-problemi li jsibu ma wiċċhom hemm ġew, fejn minflok jirriabilitaw ruħhom – fil-maġġorparti tagħhom isibu ħolma kerha.
Huwa insista li l-fatt li s-soċjetà tagħna tippermetti li l-aktar vulnerabbli jkunu trattati b’dan il-mod huwa kundannabbli u saħaq li b’responsabbiltà sħiħa, għax kellu qraba li ġarbu dan l-isptar, xejn ma nbidel fl-aħħar 30 sena.
Schembri sostna li l-fatt li jkollok persuni li jidħlu jingħataw il-kura f’din l-istituzzjoni, u waqt li jkunu hemm jikkontemplaw li jwettqu suwiċidju, l-ebda tibdil kożmetiku ma huwa se jgħin lil dan l-isptar – għalhekk, hemm bżonn ta’ sptar ġdid, kif fuq kollox ilu jinsisti il-Partit Nazzjonalista xhur sħaħ.
Karl Schembri minn naha tieghu insista li huwa bl-ebda mod m’huwa qed jattakka lill-impjegati fi ħdan Monte Karmeli għaliex verament jagħmlu ħilithom sabiex jgħinu lill-pazjent, kif inhu d-dover tagħhom…iżda b’riżorsi ferm limitati.
Huwa saħaq li dawn il-pazjenti ħaqqhom id-dinjità li tixirqilhom bħal kull persuna oħra u ċertament din il-binja mhux xierqa – binja li ħaqqa biss tinbidel f’mużew tal-psikjatrija.
Karl Schembri insista li s-soċjetà għandha bżonn twarrab l-istigma li għad għandha b’rabta mas-saħħa mentali, iżda din naslu għaliha biss bi tmexxija serja. Huwa qal li hemm bżonn li issa li wasalna fl-2022 nappellaw għal bidla konkreta f’dan il-qasam; bidla li verament tixraq għal pajjiż Ewropew u modern.
//= $special ?>