Isem Paulina Dembska, li nqatlet kiesaħ u biered fl-ewwel lejl tas-sena, tniżżel fuq bank ma’ numru ta’ ismijiet ta’ persuni li sfaw vittmi tal-vjolenza.
Dan il-bank, li jinsab bl-Università ta’ Malta, kien sar mill-KSU bl-għan li jitqajjem għarfien dwar dak li jgħaddu minnu numru ta’ nisa, b’uħud, l-istess bħal Dembska, ma rnexxilhomx jiġġildu u jirbħu lill-aggressur tagħhom.
L-għaqda fakkret li l-vjolenza fuq in-nisa għadha tippersisti b’riżultat li qed tnaqqas id-drittijiet umani fid-dinja kollha. Huwa għalhekk li qtil bħal ta’ Dembska u ħafna oħrajn m’għandhom qatt jintesew sabiex fl-aħħar mill-aħħar tinbidel il-mentalità tas-soċjetà.