Lokali

It-travel ban ta’ Mizzi u Schembri: “Deċiżjoni li se taffetwa lilna lkoll”

Il-projbizzjoni ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi milli jidħlu fl-Istati Uniti mhux biss hija projbizzjoni għalihom infushom, iżda turija ċara ta’ nuqqas ta’ fiduċja li numru ta’ istituzzjonijiet u Gvernijiet għandhom f’Malta u fis-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Dan qalu l-editorjal tat-Times of Malta meta ta ħarsa lejn il-famuża travel ban fuq l-eks Chief of Staff tal-eks PM Joseph Muscat, Keith Schembri u l-eks Deputat Mexxej u eks Ministru Laburista Konrad Mizzi.

L-editorjal jgħid li l-projbizzjoni mhux biss hi ta’ inkonvenjent fuq dawn iż-żewġ politici, iżda fir-realtà hija inkonvenjent fuq il-Maltin kollha, b’riperkussjonijiet li se nibqgħu nesperjenzawhom fis-snin li ġejjin jekk il-Gvern tal-Labour jibqa’ ma jindirrizax għadd ta’ fatturi.

L-editorjal jgħid ukoll li riċerka sempliċi fuq Google, mill-ewwel turi kemm din il-projbizzjoni kienet irrapurtata fuq mezzi tal-aħbarjiet madwar id-dinja kollha… u allura, x’piż kellha din l-istorja.

Apparti minn hekk, din it-travel ban turi kemm fir-realtà l-awtoritajiet Maltin, ma ħadux azzjoni kontra l-korruzzjoni, bl-Istati Uniti jkollha tiddeċiedi fejn il-Gvern naqas milli jieħu azzjoni. 

Intqal li investituri barranin li kienu qed jaħsbu biex jinvestu f’Malta żgur li issa se jaħsbuha aktar minn darbtejn, u huwa ta’ periklu kbir jekk il-Gvern jibqa’ jinjora dan kollu u d-dinamika ta’ x’riskji hemm marbuta ma’ din id-deċizjoni. L-editorjal jinsisti li l-lingwaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-kontinwità hu biss assigurazzjoni li l-pajjiżi l-oħra se jkunu qed jagħmlu skrutinju aktar iebes mal-Maltin. Infatti l-Kummissjoni Ewropea diġà talbet numru ta’ drabi biex il-Gvern ineħħi l-iskema tal-bejgh tal-passaporti…u dwar dan kienet anki tkellmet il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola Von der Layen, f’pajjiżna stess, f’Settembru li għadda.