Edukazzjoni Lokali

Konferma li minn nhar it-Tnejn it-tfal lura fl-iskejjel

Konferma li minn nhar it-Tnejn li ġej, il-lezzjonijiet tal-iskola se jkomplu b’mod fiziku… fl-iskejjel. Dan intqal mill-President tal-MUT Marco Bonnici, f’kummenti waqt il-programm Net Live.

“Nhar it-Tnejn li ġej se jerġgħu jiftħu l-iskejjel wara l-waqfa tal-vaganzi tal-Milied.”

Marco Bonnici qal li d-deċiżjoni biex l-ewwel jumejn tal-iskola ssir b’mod virtwali ttieħdet biex jaraw sew is-sitwazzjoni wara l-vaganzi kif inhi, kemm tal-każijiet attivi tal-virus u anke tan-numru ta’ għalliema li jinsabu fi kwarantina.

Dan hekk kif tnejn minn kull għaxar għalliema jinsabu jew pożittivi għall-virus jew inkella fi kwarantina obbligatorja.

“L-indikazzjoni hi li l-figura li qed tissemma fuq livell nazzjonali, li tqarreb madwar l-20%, tidher li hi figura li se tkun qiegħda teżisti fl-iskejjel ukoll. Aħna m’aħniex eċċezzjoni. L-edukatur, it-tfal u ż-żgħażagħ fl-iskejjel huma parti mis-soċjetà u affetwati mill-virus bħal kulħadd. Allura jidher li se jkolna persentaġġ ta’ għalliema, edukaturi u studenti li mhux se jkunu disponibbli għat-tgħalim wiċċ imb’wiċċ matul il-jiem li ġejjin.”

Marco Bonnici qal li qed jikkunsidraw x’ikun il-pass li jmiss la darba numru kbir ta’ għalliema ma jkunux jistgħu jattendu l-iskejjel fiżikament.

“Ix-xenarju hu li dik il-klassi, għal perjodu definit, tinqaleb kompletament online. It-tgħalim ma jsirx fl-iskola imma jsir id-dar mill-edukaturi li qegħdin id-dar jew l-iskola, skont iċ-ċirkustanzi kif ikunu. Bla dubju, ma jistax isir it-tgħalim fl-iskejjel jekk m’għandikx min jista’ jagħti t-tgħalim.”

Intant, mill-Ħamis eluf ta’ studenti Maltin u Għawdxin irritornaw għat-tagħlim tal-iskola b’mod virtwali.