Lokali Qorti

“L-Avukat Ġenerali għandha obbligu tispjega d-deċiżjonijiet li tkun ħadet” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jinnota l-iżviluppi li seħħew fl-aħħar sigħat fil-każ ta’ persuni li kienu ser jgħaddu ġuri b’akkużi ta’ tentattiv ta’ omiċidju, hold up u reati serji oħra, b’mod partikolari id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li twaqqa’ l-akkuża ta’ tentattiv ta’ omiċidiju, fuq membri tal-Korp tal-Pulizija, fil-konfront ta’ wieħed mill-akkużati wara patteġjament. 

Fid-dawl ta’ dawn l-aħħar żviluppi, il-Kelliem għall-Ġustizzja, Karol Aquilina u l-Kelliem għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza, Beppe Fenech Adam f’isem il-Partit Nazzjonalista saħqu li l-Avukat Ġenerali għandha l-obbligu li tagħti rendikont flimkien mal-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa dwar l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha fi proċeduri kriminali b’mod partikolari meta dawn ikunu dwar każijiet ta’ natura serja u li jolqtu s-sigurtà pubblika. Dan jgħodd aktar u aktar meta persuni f’karigi pubbliċi jkunu ġew mplikati f’dawn il-każijiet.

Għalhekk fl-interess tal-trasparenza u l-kontabbiltà fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Avukat Ġenerali minnufih tagħti rendikont u l-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa dwar x’deċiżjonijiet ittieħdu minnha f’każ li fih twaqqgħu akkużi serji ta’ tentattiv ta’ omiċidju fejn diversi membri tal-Korp tal-Pulizija kellhom ħajjithom imqiegħda f’periklu ċar waqt hold up.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li skont il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, l-Avukat Ġenerali tgawdi mill-indipendenza kostituzzjonali u ma hija u ma għandha tkun soġġetta għad-direzzjoni jew kontroll ta’ ebda persuna jew awtorità oħra.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Avukat Ġenerali timxi b’mod indipendenti u tkun disposta u ħerqana li żżomm lill-pubbliku aġġornat dwar il-qadi tas-setgħat u d-dmirijiet tagħha biex dejjem ikun żgurat li l-ġustizzja mhux biss issir iżda tkun tidher li qed issir.