Lokali

Repubblika titlob spjegazzjoni lill-pubbliku mill-Avukat Ġenerali

Permezz ta’ stqarrija l-għaqda Repubblika talbet biex l-Avukat Ġenerali turi li bid-deċiżjonijiet tagħha mhi qed isservi ebda interessi oħra ħlief l-interessi tal-ġustizzja.

Repubblika qalet dan fid-dawl tal-aħħar rivelazzjonijiet fil-Qorti llum fejn wieħed minn żewġ persuni akkużati bis-serqa fil-kwartieri tal-HSBC fl-2010 daħal f’patteġġjament mal-prosekuzzjoni u ammetta ħtijietu biex issa hu kkundannat għas-sentenza miftiehma ta’ għaxar snin u sitt xhur priġunerija.

Intqal li d-deċiżjoni dwar patteġġjament ittieħdet mill-Avukat Ġenerali li użat il-poteri li ttiha l-liġi biex fil-każ ta’ wieħed mill-akkużati flok ġuri, ingħatat sentenza miftiehma.

L-għaqda Republikka tenniet li patteġġjament jista’ jingħata għal diversi raġunijiet. Waħda minn dawk ir-raġunijiet hi li l-prosekuzzjoni ma tkunx konvinta li tista’ tassigura verdett ta’ ħtija minn ġurija u allura sentenza sostanzjali li tikkontempla l-liġi. Iżda f’dan il-każ il-persuna li ammettiet illum, kienet feruta fuq il-post tad-delitt minn tiri sparati lejha mill-pulizija li kienet qed twieġeb għall-isparaturi tal-ħallelin.