Żewġ żgħażagħ ma nstabux ħatja mill-Maġistrat Nadine Lia li ftit aktar minn sitt snin ilu serqu għadd ta’ ħut minn ‘fish farm’ li jinsab bejn Marsaxlokk u Birżebbuġa għad-dannu tal-kumpanija MFF Ltd. Wilton Gatt ta’ 26 sena minn Birżebbuġa, u żagħżugħ ieħor ta’ 22-il sena, wkoll minn Birżebbuġa, u li meta wetta r-reat kellu 16-il sena, ma nstabux ħatja wkoll li kkommettew serq aggravat il-valur u li wrew dan il-ħsieb b’atti esterni, liema delitt ma ġiex eżegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali u inipendenti mill-volontà tagħhom.
Il-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx il-każ tagħha u li hemm ċirkostanzi li juru li kif seħħew l-affarijiet l-akkużati ma wettqux ir-reati miġjubin kontrihom. F’Awwissu tal-2020 tfajjel li fil-perjodu ta’ meta wettaq ir-reati, kellu biss 15-il sena u kien mixli bl-istess akkużi wkoll kien ġie lliberat.
Il-każ imur lura għat-28 ta’ Diċembru 2015 meta għall-ħabta tad-9.30pm. il-Pulizija ġew infurmati permezz ta’ telefonata anonima li kien hemm frejgata fil-baħar u li kien hemm suspett li se jsir xi serq ta’ xi ħut minn ‘fish farm’. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija irriżulta li kien hemm diversi frejgatini u persuni viċin waħda mill-‘fish farms’.
Fil-Qorti ħareġ li frejgatina minnhom kienet qed tqajjem suspett. Meta ressqet lejn il-blat kienu niżlu tliet zgħażagħ minnha u bdew inizzlu xi baskijiet minn fuqha. Meta l-Pulizija interċettaw dawn iż-żgħżagħ, dawn kienu qed inizzlu xi baskijiet minn fuq il-frejgatina li fiha kien hemm għadd ta’ ħut.
L-Ispettur Johann Fenech qal li fil-lejl ta’ bejn it-28 u 29 ta’ Diċembru tal-2015 kien infurmat mis-Surġent Lambert Zammit li kien mar jagħmel rapport ċertu Salvu Ellul għan-nom tal-kumpanija Elbros. Huwa kien qal li kien hemm dgħajsa suspettuża viċin tal-‘Fish Farms’ f’Dellimara.
Is-Surġent Zammit kien mar fuq il-post fuq fiż-żona ta’ San Luċjan, Marsaxlokk u hemmhekk osserva d-dgħajsa. Eventwalment din id-dgħajsa avviċinat lejn il-bajja ta’ San Ġorg fejn hemm qarrbet lejn dgħajsa oħra u wara ftit dawn in-nies li kienu fuq id-dgħajsa qadfu lejn ix-xatt.
Kien hemm tliet żgħażagħ li qabżu għal fuq l-art u ġew osservati li bdew iħottu xi basktijiet minn fuq id-dgħajsa għal fuq l-art. Żagħżugħ minnhom twaqqaf mill-Pulizija. Saret tfittxija fil-basktijiet fejn instab xi ħut f’basket minnhom. Aktar tard il-Pulizija infurmaw lill-Forzi Armati fuq il-każ, fejn wara ftit intbagħtet dinghy sabiex jieħdu lis-Surgent u lill-imputat ta’ 15-il sena lejn id-dgħajsa li kienet ankrata f”nofs il-bajja.
Id-dgħajsa giet identifikata u reġistrata fuq missier it-tfajjel. Mit-tfittxija fuq id-dgħajsa ma rriżulta xejn. Sussegwentament Salvu Ellul aċċeda l-Għassa fejn stqarr li l-ħut li kien insteraq minn ġol-fish farm tiegħu kellu piż ta’ madwar 16kg u kien valutat madwar €320.
Willton Gatt, li kellu l-età u kien maż-żgħażagħ taħt l-età ttieħedu fil-lockup u ngħataw l-ordni sabiex imorru l-Għassa l-għada filgħodu. It-tfajjel ta’ 15-il sena kien stqarr li l-ġurnata ta’ qabel ġara dan il-każ, ftiehem ma żewġt iħbieb sabiex imorru jistadu bid-dgħajsa tal-ħabib ta’ Gatt li ma kienx jafu u offrielhom biex jiġbidhom sal-‘fish farm’ bid-dgħajsa ta’ missieru.
Ġara li waqfitlu d-dgħajsa u huwa baqa’ fuqha filwaqt li t-tnejn l-oħra marru jistadu bid-dgħajsa l-oħra hdejn il-‘fish farm’. Is-Surġent Lambert Zammit, qal li flimkien ma’ tliet Kuntistibbli marru bil-karozza ħdejn it-torri ta’ San Luċjan fejn fid-dawl tal-qamar dehret dgħajsa mal-‘fish farm’ u xi nies bil wieqfa fuq il-gaġġa.
Hekk kif id-dgħajsa bdiet dieħla lejn il-Qajjenza waqfet ma dgħajsa oħra u wara baqgħet diehħa lejn ix-xatt. X’ħin trakkat id-dgħajsa niżlu tliet persuni, l-istess tliet persuni li kienu ħdejn il-‘fish farm’. Wieħed mit-tlieta kellu basket f’idu li ġo fih kien hemm xlief b’sunnara u xi ħut. It-tliet persuni ttieħdu l-Għassa fejn gew ikkuntattjati l-ġenituri taż-żewġ minorenni.
Sussegwentement, Wilton Gatt ttieħed il-lock-up. Il-ħut kien ġie mwieżen u rriżulta li t-tliet ħutiet kienu jiżnu 7kg, 6.5kg u 2.5kg rispettivament jew b’kollox 16-il kilo u stmat li jiswa’ €320. Il-Qorti meta ġiet biex tiddeċiedi dwar is-sentenza qalet li ħadet konjizzjoni tal-kondotta tal-imputati li hija netta,. Il-Qorti qieset ukoll il-fatt, fiż-żmien ta’ l-interogazzjoni, l-imputati kienu żgħar u tnejn minnhom kienu wkoll minuri ta’ 15 u 16-il sena rispettivament.
Il-Qorti qalet li minn din ix-xhieda jingħata x’jinftiehem li l-grupp ta’ nies kien maqsum – min kien mar fuq il-‘fish farm’ proprju biex jistad u min kien ma’ dgħajsa oħra li eventwalment rikbithom Il-Qorti tenniet li l-prosekuzzjoni trid dejjem tipprova sal-grad rikjest mil-ligi.
Mill-provi migbura l-prosekuzzjoni, il-Qorti qalet li ma tressqux provi b’saħħithom, bħal, min hu s-sid tad-dgħajsa, li mix-xhieda ġie identifikat missier wieħed mill-minorenni . Jirriżulta wkoll li lanqas ma tressaq biex jixhed min għamel ir-rapport u s-sid tal-‘fish farm’ minn fejn allegatament sar is-serq u li gie iddentifikat bħala Salvu Ellul.
Mix-xhieda jingħata x’jinftiehem li l-grupp ta’ nies kien maqsum. Min mar fuq il-‘fish farm’ proprju biex jistad u min kien ma’ dgħajsa oħra li eventwalment rikbithom. Dan iffiser li xi hadd mill-imputati, ma kienx mar direttament jistad fil-‘fish farm’.
Jibqa’ għalhekk li jiġi determinat kif bħala stat ta’ fatt kien kompliċi fir-reat. Wieħed mill-minorenni li għazel li jixhed b’mod volontarju qal li hu ma spiċċax jistad mal-ko-imputati l-oħra għaliex f’dak il-mument inqalgħet ħsara fid-dgħajsa ta’ missieru li kien qed juża u mar lura jsewwiha.
Qal li ma kien jaf b’xejn minn dak li ġara sakemm l-oħrajn ġew lura u urewh il-ħut li qabdu. Mill-provi li għandha quddiemha, kompliet tgħid il-Qorti, l-elementi tas-serq ma ġewx provati. Il-Qorti qieset wkoll li t-talba tal-prosekuzzjoni sabiex tqis lil Gatt kiser waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu b’sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati għandha tiġi miċħuda. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvyn Camilleri.