Internazzjonali

18 maqtula fi protesti vjolenti fil-Kazhakhstan

18 maqtula sa issa, b’żewġ membri tal-Forzi tas-Sigurtà jkunu dekapitati f’Almaty, waħda mill-akbar bliet fil-Kazhakhstan. Dan waqt protesti vjolenti li nqalagħu f’dik li kienet tifforma parti mill-Unjoni Sovjetika.

Il-protesti li issa ilhom għaddejjin għal diversi ġranet bdew wara li l-awtoritajiet neħħew il-limitu li kien hemm fuq il-fuel li rriżulta fi splużjoni fil-prezz. Minkejja li l-President reġa dawwar din id-deċiżjoni, il-vjolenza ma waqfitx.

Huma mijiet il-midruba f’dawn il-protesti li raw mal-2,000 persuna arrestata.

Intant issa jidher li truppi Russi jinsabu fiż-żona fuq missjoni ta’ ‘żamma ta’ paċi’.

Il-President tal-Kazhakhstan Kassym-Jomart Tokayev xeħet il-ħtija tal-vjolenza fq gruppi terroristiċi.

Fil-jiem li għaddew, il-Palazz Presidenzjali safa fil-mira tad-dimostranti u spiċċa maħkum minn nirien imqabbda mid-dimostranti li ħatfu wkoll wieħed mill-ajruporti l-kbar tal-pajjiż għal xi ħin.