Irrid inkompli niltaqa’ miegħek u nisma’ mingħandek ħalli dak li ġara lil Paulina Dembska ma jerġa’ jseħħ qatt aktar.
Dan kien l-impenn espress mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’messaġġ li xxandar fuq Facebook, fid-dawl tat-tħassib u l-biża ta’ ħafna, hekk kif wara d-delitt tat-tfajla Pollakka, hemm min mhux iħossu sikur f’pajjiżna.
Bernard Grech qal li dan mhux sew, iżda kollha kemm aħna rridu nifhmu li dak li seħħ fl-ewwel lejl tas-Sena l-Ġdida hu responsabbiltà ta’ kulħadd. Għax hu aktar faċli li ninsistu biss għad-drittijiet mingħajr ma nifhmu li kull wieħed u waħda minna għandu r-responsabbiltà tiegħu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li hu jinkwieta, anke bħala missier, speċjalment għax jaf li ħafna jbatu minn xi abbuż – verbali jew b’xi mod ieħor – li jiltaqgħu miegħu regolarment. Għaldaqstant, qal li wieħed għandu jipprova jifhem aktar xi tfisser li ma tkun tista’ tmur imkien b’moħħok mistrieħ.
Hu fakkar kif, minbarra n-nisa, anke persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti u minoranzi jistgħu jkunu suġġett ta’ abbużi. Anke fid-djar issib każi ta’ vjolenza, iżda sfortunatament, dawn mhux dejjem insiru nafu bihom.
Min-naħa l-oħra, tajjeb naraw jekk l-aggressuri jkollhomx xi diffikultajiet għax xi drabi aħna ma nindunawx li jkollhom bżonn l-għajnuna.
Għaldaqstant, Bernard Grech appella biex il-professjonisti jkollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex jaħdmu, filwaqt li nifhmu x-xogħol diffiċli li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum.
Filwaqt li fakkar kif il-Partit immexxi minnu ilu jitlob żieda fir-riżorsi tal-Korp tal-Pulizija – inkluż anke fost il-Pulizija fil-Komunità – bid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li twaqqa’ l-gravità tal-akkużi f’każ ta’ hold-up, il-Pulizija qed iħossuhom anqas sikuri li għandhom il-protezzjoni li tixirqilhom.
//= $special ?>