Il-Gvern għandu jkun aktar trasparenti u jgħid lill-poplu min irċieva l-golden handshake u kemm-il elf ewro ngħataw. U barra minhekk, min jispiċċa mill-Kabinett b’xamma ta’ korruzzjoni jew għemil ħażin ieħor, żgur li m’għandux jingħata flus mit-taxxi tal-poplu.
Hekk qal il-ġurnal The Malta Independent, fl-Editorjal tiegħu, fid-dawl tal-fatt li sar magħruf li l-eks Ministru Justyne Caruana se tingħata €30,000 talli waqfet minn Ministru. Għax dejjem jgħidulna li l-politiċi qegħdin hemm biex iservu, iżda jekk ifallu milli jagħmlu dan u jitradixxu l-fiduċja tagħna, m’għandniex inkunu aħna li nħallsu għall-irtirar tagħhom.
Il-ġurnal jgħid li l-korruzzjoni mill-politiċi tal-Gvern diġà swiet lill-poplu ħafna flus, filwaqt li staqsa jekk golden handshakes simili ngħatawx lil eks Ministri u Segretarji Parlamentari oħrajn bħal Konrad Mizzi u Rosianne Cutajar.
Barra minhekk, l-istess Justyne Caruana diġà rriżenjat minn Ministru sentejn ilu wara li kien irriżulta li l-eks żewġha Silvio Valletta kellu relazzjoni mill-qrib mal-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, meta kien diġà magħruf li dan kien sid il-kumpanija sigrieta 17 Black.
Għaldaqstant, issa li rriżenjat minn jeddha wara li tat €15,000 lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic f’impjieg ta’ tliet xhur għal xogħol li spiċċa għamlu Uffiċjal ieħor fil-Ministeru, il-ġurnal jistaqsi jekk Caruana ngħatatx il-golden handshake darbtejn.
Għalkemm din l-iskema ilha introdotta għal diversi snin, kien Joseph Muscat li bħala Prim Ministru żied l-ammont li l-eks membri tal-Kabinett jingħataw. Tant hu hekk li hu nnifsu ngħata €120,000 wara r-riżenja tiegħu sentejn ilu. Fl-istess jiem, Muscat kien irċieva wkoll il-premju tal-aktar politiku korrott fid-dinja.
//= $special ?>