Minkejja li bdejna sena ġdida, l-istorja taż-żieda fil-prezzijiet ma nbidlitx. Dan hekk kif l-ewwel ġimgħa tas-sena kienet ikkaratterizzata minn żieda qawwija fil- prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib lokali.
Matul ix-xhur li għaddew diġa’ kellna żidiet fil-prezz tal-ħobż, il-butir u prodotti tal-ħasil – u issa, mill-ewwel tas-sena, in-nies qed jesperjenzaw żieda fil-prezz tal-prodotti tal-ħalib.
Il-kumpanija Benna avżat lill-ħwienet b’żieda sostanzjali fil-prodotti tagħha fost oħrajn il-ħalib tal-kulur u l-krema friska..b’żieda fost oħrajn ta’ 30 ċenteżmu fuq kull ġbejna.
B’reazzjoni għal dan, bosta fuq il-midja soċjali saħqu kif iż-żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa li ta l-Gvern ta’ Robert Abela fl-aħħar budget hija daħka fil-wiċċ meta wieħed jirrealizza li din iż-żieda issa tista’ biss tissarraf fi kwart irkotta friska fil-ġimgħa..għalkemm il-lactose free tiswa’ aktar.
Il-Ġimgħa filgħodu Net News staqsa lill-Ministru Michael Falzon rigward din is-sitwazzjoni tal-prezzijiet li qedghin dejjem jisplodu ‘l fuq…b’Falzon ma jagħti ebda serħan il-moħħ lill-poplu. Anzi, insista li l-isfidi matul din is-sena se jissoktaw.
Diversi persuni li għamlu kuntatt ma’ Net News insistew li l-piż żejjed mixħut fuqhom bi prezzijiet li fi kliemhom qed jisparaw ‘il fuq minn xahar għall-ieħor fuq prodotti li jikkunsmaw ta’ kuljum qed ikun ta’ frustrazzjoni kbira għalihom.
Huma qalu li dak kollu li ingħad matul l-aħħar diskors tal-budget li dan kien wieħed mingħajr taxxi, ċertament ma jirriflettix dak li qed jgħixu ta’ kuljum hekk kif il-familji tagħhom qed jaraw iż-żidiet fil-prezzijiet fuq kull prodott tax-xirja tagħhom.
//= $special ?>