Żagħżugħ ta’ 24 sena minn tal-Pietà, bi problemi ta’ droga u xorb ġie lliberat minn akkużi ta’ swat fuq il-ġenituri tiegħu, li kkommetta feriti ħfief fuqhom u li heddidhom. Dan wara li ommu u missieru ddeċidew li jaħfrulu. Huwa kien qed jiġi mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li wettaq dawn ir-reati fid-29 ta’ Novembru, 2021, fid-dar tagħhom, kif ukoll li waddab xi affarijiet lejn missieru u li hu riċediv.
Fil-Qorti ħareġ kif iż-żagħżugħ, li ismu mhux qed jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-ġenituri tiegħu kien fis-sakra meta ħebb għalihom.Il-vittmi kienu l-unika xhieda fil-każ, u li dawn talbu lill-Qorti biex twaqqaf il-proċeduri kontra binhom, ħafrulu u saħansitra reġgħu aċċettawh f’darhom.
Dan kollu bit-tama li jsegwi b’suċċess programm għar-riabilitazzjoni mix-xorb u d-droga. Missieru rrifjuta li jsir risk assessment mill-Aġenzija Appoġġ. Il-Qorti laqgħet it-talba tagħhom li ma xtaqux jixhdu fil-konfront ta’ binhom minħabba li binhom huwa demmhom, huma qalu.
Il-Qorti qalet li mill-imġieba tal-ġenituri, huwa evidenti u ċar li t-tnejn għandhom qalbhom maqsuma minħabba l-komportament ta’ binhom, dovut għall-vizzji tiegħu u għad-diffikultajiet li jinsab fihom. Jinħass evidenti wkoll li l-istess ġenituri jixtiequ jagħmlu l-aħjar li jistgħu sabiex jgħinnuh jegħleb il-vizzji tiegħu.
Għaldaqtant, minħabba nuqqas ta’ provi l-Maġistrat Lia ma sabitux ħati u illiberatu minn kull akkuża. Madankollu, hija wissietu biex idaħħala f’rasu li l-ġenituri mhumiex hemm għal dejjem u lanqas għandu jippretendi li l-ġenituri dejjem jaħfrulu. L-Ispettur Sharona Buhagiar mexxiet il-prosekuzzjoni.
//= $special ?>