Ambjent Lokali Sport

L-MDA topponi bil-qawwa l-proġett ta’ Marsaxlokk F.C.

L-MDA qalu li qed iħossuhom iddiskriminati għaliex żviluppi simili tal-privat huma fi żvantaġġ inġust

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi qed toġġezzjoni bil-qawwa kollha għall-proġett ta’ Marsaxlokk F.C. biex dawn ikabbru il-klabb permezz ta’ hostel, dar tal-anzjani u stand għall-partitarji għall-grawnd eżistenti.

Fl-applikazzjoni tal-klabb mal-Awtorità tal-Ippjanar (PA 08310/21), Marsaxlokk qed jinkludu faċilitajiet bħal sports childcare centre, klabb soċjali, klinika tal-fiżjoterapija, ħwienet relatati tal-isport u oħrajn li jservu l-ikel u x-xorb.

L-MDA qed toġġezzjona għall-fatt li l-applikant għandu vantaġġ fuq żviluppi kummerċjali għaliex l-art hija waħda pubblika filwaqt li l-maġġor parti tal-iżvilupp propost huwa wieħed kummerċjali, mhux sportiv.

L-MDA qalu li qed iħossuhom iddiskriminati għaliex żviluppi simili tal-privat huma fi żvantaġġ inġust.

Aktar minn hekk, is-sit tal-proġett propost jinsab f’żona ‘l barra mill-iżvilupp u għalhekk, żoni bħal dawn m’għandhomx qatt jintużaw għal faċilitajiet residenzjali jew kummerċjali li faċilment jistgħu jsir f’żoni ta’ żvilupp.

Għalhekk, l-MDA insistiet li l-applikazzjoni m’għandhiex tiġi milqugħa u appellat lill-klabb ta’ Marsaxlokk biex jirtiraw l-applikazzjoni tagħha.