It-tennist Novak Djokovic, b’messaġġ fuq il-media soċjali, irringrazzja lill-familjari, lill-partitarji kif ukoll lill-poplu Serbjan għas-sapport li qed juruh hekk kif jinsab miżmum f’ċentru ta’ detenzjoni fl-Awstralja.
Dan wara li l-awtoritajiet Awstraljani qalu li l-applikazzjoni tal-visa tiegħu ma kinietx tinkludi eżenzjoni medika, liema eżenzjoni ingħatat lil Djokovic biex jipparteċipa fl-Open tal-Awstralja, minkejja li m’huwiex vaċċinat.

B’konsegwenza ta’ dan il-visa tiegħu ġiet revokata u jista’ jintbagħat lura pajjiżu jekk ma jintlaqax l-appell li mistenni jinstema nhar it-Tnejn. Intant, din il-kwistjoni ħolqot kontroversja sħiħa fost il-poplu Awstaljan, kif ukoll bejn l-ogħla Awtoritajiet tal-Awstralja u tas-Serbja.
Bosta partitarji tat-tennist Serbjan ħarġu jipprotestaw quddiem iċ-ċentru ta’ detenzjoni. Madanakollu ħarġu fit-toroq ukoll persuni li ma jridux lil Djokovic jitħalla jidħol fil-pajjiż, la darba m’huwiex vaċċinat.
Sadanittant, it-tennista Renata Voracova ukoll kellha l-visa tagħha revokata minħabba l-istess problema. L-Open tal-Awstralja mistenni jibda fis-17 ta’ Jannar.
//= $special ?>