Internazzjonali

Omicron: Il-WHO twissi biex ħadd ma jfisser il-varjant bħala wieħed ħafif

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet biex ħadd ma jfisser jew jikkunsidra l-varjant Omicron tal-Covid-19 bħala virus ħafif, filwaqt li sostniet li l-varjant inkwistjoni ‘qiegħed joqtol lin-nies f’kull rokna tad-dinja’.

L-aħħar studji jirreferu għal probabbiltà anqas li n-nies infettati bl-Omicron jispiċċaw serjament morda milli kien il-każ bil-varjanti preċedenti tal-coronavirus. Madankollu, id-Direttur-Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, qal li l-ammonti rekord tan-nies li qed jimirdu bl-Omicron qed ikollhom impatt ‘gravi’ għas-sistemi tas-saħħa madwar id-dinja u li ħafna minnhom spiċċaw taħt pressjoni kbira biex ilaħħqu mal-każi.

Skont il-WHO, l-ammont tal-każi fuq bażi globali żdied b’71 fil-mija matul l-aħħar ġimgħa – biż-żieda tkun irrappurtata bħala mija-fil-mija fil-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u l-Amerika t’Isfel. Jidher ukoll li mad-90 fil-mija tal-każi serji kienu fost in-nies li ma ħadux it-tilqima kontra l-virus.

Min-naħa tiegħu, Tedros, waqt konferenza tal-aħbarijiet, wissa li l-Omicron, bħall-varjanti ta’ qablu, qiegħed joqtol lin-nies u li feġġet tsunami daqstant kbira ta’ infezzjonijiet li s-sistemi tas-saħħa qed jispiċċaw mgħarrqin bil-każi.

L-Omicron kapaċi jinfetta lin-nies anki jekk ikunu vaċċinati, madankollu t-tilqim kontra l-Covid jibqa’ ferm importanti għaliex jipproteġi lin-nies kontra l-mard gravi li jeħtieġ it-trattament fit-taqsimiet tal-isptar għall-kura intensiva.

Fl-Ingilterra, il-Prim Ministru Boris Johnson ordna lill-Armata biex tappoġja lill-NHS – is-servizzi tas-saħħa tal-pajjiż —  f’dan iż-żmien diffiċli. Dan meta ħafna sptarijiet qed jesperjenzaw nuqqas ta’ staff minħabba l-impatt tal-Covid-19. Madwar 200 membru tal-Armata, intant, daħlu fl-isptarijiet ta’ Londra u fejn, bħalissa, qed jgħinu direttament lit-tobba u lill-infermiera.

Minbarra s-suldati li huma tobba, qed jissejħu wkoll suldati oħrajn biex jassistu f’dak kollu li hemm bżonn. Din il-miżura kienet meħtieġa minħabba li l-istaff mediku qed jispiċċa maqbud fi kwarantina għal raġunijiet varji – u meta qed jinħass ukoll il-piż enormi taż-żieda fil-pazjenti rikoverati; bl-isptarijiet Ingliżi mhumiex ilaħħqu mad-domanda.