Fost is-servizzi li l-Fondazzjoni Inspire toffri għall-persuni b’diżabbiltà hemm il-Programm Star li huwa ta’ sostenn għal 33 persuna fuq medda ta’ 30 siegħa fil-ġimgħa – programm li se jkompli jisahhah.
Jikkummenta ma’ Net News, il-Kap Eżekuttiv tal-Inspire, Antonello Gauci:
‘Huwa l-programm “Star” li jagħti servizz lil numru ta’ tfal u adulti li għandhom diżabbiltajiet profondi.”
Dan il-programm se jkun qed jissaħħaħ b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Sapport biex il-Fondazzjoni Inspire ittejjeb is-servizz u r-riżorsi biex kull persuna b’diżabbiltà f’dan il-programm ikollha persuna assenjata magħha biex ittiha attenzjoni individwalizzata.
“It-tip ta’ servizzi li qed noffru mill-Inspire għall-programm “Star” huwa mogħti minn numru ta’ professjonisti li qed jaħdmu flimkien f’ambjent terapewtiku. Dan naturalment qed isir biex intejjbu l-ħajja ta’ kull persuna li tattendi dan il-programm.”
Il-pjan ta’ għajnuna speċjalizzata se tkun qed tinkwadra ukoll lill-familji u dawk li jagħtu l-kura lill-persuni b’diżabbiltà hekk kif se jkunu inkorporati f’dan il-programm speċjalizzat.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Ruth Sciberras, spjegat kif huma qed ikunu ta’ sostenn għall-familji u l-persuni b’diżabbiltà iżda anki jassesjaw il-persuni li jagħmlu użu minn dan is-servizz u jkomplu l-montieraġġ biex kollox jimxi skont l-istandards meħtieġa.
//= $special ?>