Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden ikkritika u kkundanna lill-eks President Amerikan Donald Trump waqt diskors li għamel fl-ewwel anniversarju tal-attakk ‘storiku’ fuq il-kumpless tal-Capitol, f’Washington.
F’dan id-diskors li xxandar fuq it-televiżjoni Biden akkuża lil Trump dwar ‘sensiela ta’ gideb’ li wasslet għall-attakk tal-folol fuq il-Capitol – bid-diskors iqanqal reazzjoni rabbjuża minn Trump li akkuża lill-President dwar ‘falliment’ minbarra li rrepeta allegazzjonijiet dwar l-elezzjoni Presidenzjali li hu kien tilef fil-konfront ta’ Biden.
Is-sostenituri ta’ Trump kienu assedjaw il-bini tal-Capitol fis-6 ta’ Jannar tal-2021 waqt li l-Kungress kien qed jiċċertifika r-rebħa elettorali ta’ Biden, Dan waqt li d-dinja rat il-filmati tal-politiċi mwerwrin quddiem ir-rabja tal-folla li nfexxew l-għadab tagħhom wara li Trump kien ‘rewwaħ in-nirien’ waqt rally.
Trump kien ħeġġeġ biex in-nies jimxu ‘bil-kwiet’ barra l-Capitol iżda fl-istess ħin inkoraġġihom biex ‘jiġġieldu’ fost ripetizzjoni dwar ‘il-frodi fuq skala massiċċa li karatterizzat l-elezzjoni mitlufa minnu’.
Il-politiċi Demokratiċi b’maġġorana fil-Kungress, intant, ippjanaw sensiela ta’ avvenimenti biex jimmarkaw l-anniversarju tal-attakki fuq il-Capitol.
//= $special ?>