Aktar minn 30,000 ikla ġew preparati fl-aħħar erba’ xhur mis-Soup Kitchen li tinsab fit-Triq Santa Ursola, fil-Belt Valletta – post li joffri ikla sħuna għal min m’għandux mezzi biex jixtri ikel essenzjali.
Minn Awwissu sa Diċembru li għadda, din is-Soup Kitchen tat l-għajnuna tagħhom lil 8.600 persuna …li 65% minnhom kienu irġiel.
Jidher li l-aktar persuni li talbu l-għajnuna kienu dawk residenti il-Belt, il-Floriana, il-Marsa, Ħal-Qormi, Ħaż-Żebbuġ, San Pawl il-Baħar, Ħal Kirkop, Tal-Pieta’, l-Imsida, il-Gżira, il-Ħamrun, Ħal-Luqa, Bormla, Birkirkara, kif ukoll Raħal il-Ġdid.
Għall-ikla ta’ waranofsinhar ġew preparati 25,800 ikla…filwaqt li bħala ikla ta’ filgħaxija, ġew ppreparati 5,700 platt. Dan ifisser medja ta’ 258 ikla kuljum.
Dawn in-numri juru realta’ f’pajjiżna li ftit jitkellmu fuqha, fejn ta’ kuljum għandek mijjiet ta’ persuni li għandhom nuqqas bażiku ta’ ikel.
Fi stqarrija, is-Soup Kitchen qalet li huma jesperjenzaw kuljum miraklu ta’ providenza għaliex mingħajr il-voluntieri u l-appoġġ ta’ diversi nies huma ma jkunux jistgħu jgħinu lil dawk li verament għandhom bżonn. Huma irringrazzjaw lil dawk kollha li qed jagħtu l-għajnuna tagħhom u li qed ikomplu jappoġġjaw lis-Soup Kitchen sabiex ikunu jistgħu nagħtu dinjita’ lill-persuni li jiġu fil-bżonn.
//= $special ?>