L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara appellat biex tittieħed azzjoni immedjata qabel l-arti storiċi f’Forti Salvatur, il-Kalkara jintilfu darba għal dejjem kawża tal-istat diżastruż u abbandun li tħalla dan il-forti.
L-Assoċjazzjoni saħqet li jkun adegwat li dan il-forti tiġi rijabilitata, restawrata u jinstab użu alternattiv adegwat għaliha, fosthom li jsaħħaħ il-kummerċ turistiku f’din iż-żona u anke joħloq impjiegi għan-nies tal-inħawi.
L-istorja tal-Forti Salvatur:
Fl-1628 il-Gran Mastru Giovanni Paolo Lascaris ta l-bidu għall-bini tas-swar ta’ Santa Margerita, magħrufa ukoll bħala s-swar ta’ Firenzuola. Aktar tard, l-Ordni bdiet il-bini tas-swar tal-Kottonera bil-ħsieb li dawn idawru t-tliet ibliet.
L-ewwel daħla tagħhom wara l-Birgu kien Bieb is-Salvatur li jagħti għall-Kalkara, u din qatt ma ġiet kompluta fi żmien il-Kavallieri tant li maż-żmien twessa’ l-bieb t’attakk li beda jservi bħala entratura.
Il-Forti Salvatur inbena fl-1724 mill-Gran Mastru Fr Anton Manuel de Vilhena. Il-forti fih żewġ partijiet jagħtu fuq in-naħa tal-art u fuq in-naħa tal-baħar. Huwa wkoll imdawwar b’foss. Kien fih 22 kanun u żewġ porvlisti u fi żmien l-Ingliżi serva bħala riformatorju għat-tfal.
Dan minbarra li għal xi snin kien serva bħala kamp tal-priġunieri tal-gwerra, tant li fit-Tieni Gwerra Dinjija ġew internati fih persuni Maltin, fosthom Herbert Ganado. Fuq il-bieb prinċipali tqegħdet skrizzjoni li kienet tgħid li jekk qatt is-swar tal-Kottonera jiġu megħluba, dan il-forti ma kienx se jħalli li jiġi megħlub il-Birgu.