Sport Waterpolo

It-tliet logħbiet tar-raba’ ġurnata tal-Enemed Cup deċiżi kollha fl-aħħar minuta

Il-gowlkiper ta' Sliema Nicky Grixti jipprova jagħlaq l-ispazju ta' Matthew Zammit (Ritratt: Matthew Tabone)

Rapport: Stewart Said

Illum fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq irritorna l-waterpolo bl-ewwel logħbiet uffiċjali tas-sena. Sfortunatament ir-raba’ ġurnata tal-Enemed Cup intlagħbet bil-bibien magħluqa wara l-miżuri li ġew imposti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa wara t-tielet ġurnata tal-kompetizzjoni.

SAN ĠILJAN MERCURY TOWERS…. 10

SLIEMA FRANK SALT…………………… 10

(3-4), (3-4), (2-0), (2-2)

Id-dwell bejn dawk li potenzjalment huma l-aqwa tnejn fil-kompetizzjoni, wassal għal draw missielet ta’ 10-10, liema riżultat fisser li t-tnejn waqqgħu l-ewwel punti f’din l-edizzjoni. Minkejja d-draw, it-tnejn għandhom ikunu mal-aqwa erbgħa għall-play-offs.

Dan il-konfront kien l-ewwel wieħed ta’ Dino Zammit kontra San Ġiljan wara snin ta’ suċċessi mal-klabb Ġiljaniż. Is-Slimiżi kellhom lil Jerome Gabarretta nieqes filwaqt li Benji Cachia, Jamie Gambin u Liam Galea għadhom jilagħbu barra l-pajjiż.

San Ġiljan ħadu vantaġġ inizjali ta’ gowl għal tliet darbiet, sakemm Matthew Mifsud poġġa lil Sliema minn fuq għall-ewwel darba. Il-vantaġġ alterna fit-tieni sessjoni, b’Sliema jibnu vantaġġ doppju għal 8-6 b’gowls taż-żgħażagħ Jayden Cutajar u Matthew Mifsud. Lejn tmiem is-sessjoni, tkeċċa b’sostituzzjoni l-captain Ġiljaniż Matthew Zammit għal rimarki li għadda lejn ir-referee Ronnie Spiteri, deċiżjoni li Zammit ma qabel xejn magħha.

Minkejja dan in-nuqqas, San Ġiljan ħarġu l-aħjar tim fit-tielet sessjoni u meritatament irkupraw l-iżvantaġġ permezz ta’ Nikolai Zammit u Mattias Ortoleva. Għal Sliema ntemmet il-logħba ta’ Dino Zammit li ġie fouled-out.

It-tim ta’ Dorian Pisani deher riesaq lejn rebħa wara li l-eks Nicholas Bugelli u Darren Zammit kienu wieġbu għall-gowl ta’ Zach Mizzi. Iżda John Brownrigg ġab id-draw fl-aħħar minuta. Fl-aħħar attakki tagħhom, iż-żewġ kowċis sejħu time-out madankollu l-attakki finali ma ħallewx l-effett mixtieq.

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (2), K. Grech, D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (2), M. Ortoleva (1), D. Tully, B. Plumpton (2), N. Zammit (2), Da. Zammit (1), N. Schiavone, G. Vassallo

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, E. Schembri, D. Rizzo (1), M. Meli (1), J. Cassar, J. Cutajar (1), M. Mifsud (2), J. Brownrigg (2), K. Borg, Z. Mizzi (2), Di. Zammit (1), A. Theuma

Referees: Ronnie Spiteri, Peter Balzan

SIRENS RITTER SPORT……… 10

NEPTUNES……………………… 11

(3-1), (2-4), (4-4), (1-2)

Ir-rebbieħa tas-sena l-oħra Neptunes kisbu t-tieni rebħa fil-kompetizzjoni, tliet punti li waslu b’mod missielet kontra Sirens Mecca Marin. It-tim minn San Pawl il-Baħar kellu prestazzjoni pożittiva u żgur li ma kien jisraq xejn kieku imqar kiseb punt. Thomas Micallef iddebutta fil-lasta ta’ Sirens.

Sirens qatt ma kienu minn taħt fl-ewwel żewġ sessjonijiet, b’Neptunes jitjiebu fit-tieni sessjoni u ġabu d-draw darbtejn permezz ta’ Alex Fenech u Jordan Camilleri rispettivament. It-tim ta’ Marko Orlovic baqa’ jikseb vantaġġ ta’ gowl fit-tielet sessjoni iżda kienet doppjetta ta’ Jordan Camilleri li xaqilbet il-miżien favur Neptunes għall-ewwel darba b’vantaġġ ta’ 9-8.

Matthew Sciberras ġab id-draw qabel tmiem is-sessjoni madankollu Sirens qatt ma kienu minn fuq fl-aħħar sessjoni. Dan il-fattur spiċċa biex kien determinanti hekk kif dejjem kellhom jiġru wara l-logħba, b’Mark Castillo jiskorja l-gowl tar-rebħa 19-il sekonda mit-tmiem.

Sirens: T. Micallef, P. Serracino (1), K. Erdogan (1), J. Sciberras, J. Zerafa Gregory, G. Farrugia, L. Falzon, I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras, M. Chircop, Z. Bartolo

Neptunes: A. Borg Cole, M. Zammit, S. Gialanze, G. Pace, B. Zammit, J. Spiteri Staines, M. Castillo, J. Camilleri, R. Galea, E. Mallia, A. Fenech, J. Cachia, M. Farrugia

Referees: Neville Mercieca, Stefan Licari

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 8

EXILES……………………………… 8

(2-3), (1-2), (4-1), (1-2)

Exiles evitaw telfa lejn it-tmiem u rnexxielhom iżommu r-raba’ post fil-klassifika. Birżebbuġa kellhom iwettqu rimonta wara li dehru li setgħu jinqatgħu mil-logħba u saħansitra kienu qrib it-tliet punti li kienu jagħtuhom opportunità tajba li javvanzaw għall-play-offs.

Minkejja li l-logħba kienet bilanċjata, sa minuta u nofs minn tmiem it-tieni sessjoni, Exiles kellhom vantaġġ ta’ 5-2. Iżda Birżebbuġa dawru r-riżultat għal 7-6 b’żewġ gowls fl-aħħar minuta u nofs tas-sessjoni. Fl-aħħar sessjoni, Kurt Griscti ġab id-draw, b’Neil Cassar minn man-up iħalli lit-tim ta’ Pierre Borg minn fuq. Kien Mark Fenech li fl-aħħar minuta għamel l-iskor 8-8.

Birżebbuġa: M. Sladden, J. Farrugia, N. Cassar (3), B. Grech (2), R. Mock (1), M. Mannino (1), D. Cutajar, G. Sammut (1), K. Tanti, R. Spiteri, F. Buhagiar

Exiles: M. Castillo, N. Saliba, S. Apap, P. Paris, T. Sullivan (2), L. Gialanze, M. Fenech (3), K. Griscti (1), N. Paris (1), J. Bajada (1), M. Aquilina, D. Fenech, G. Borg

Referees: Stefan Licari, Richard Magri

Logħob li jmiss

It-Tlieta

Sliema vs Birżebbuġa               6.45pm

L-Erbgħa

Neptunes v San Ġiljan              6.30pm

Marsaskala v Sirens                 7.35pm