Is-Sibt filgħodu saret protesta kontra żvilupp ta’ lukanda fi Triq Milner, Tas-Sliema… triq pjuttost dejqa li tinsab f’żona residenzjali… żvilupp li l-liġi tgħid li qatt m’għandu jsir f’żoni residenzjali.
Waqt din il-protesta, l-għaqda ‘Flimkien għal Ambjent Aħjar’ qalet li fl-aħħar laqgħa, il-Kummissjoni għall-Ippjanar marret kontra l-liġijiet li saru mill-istess Awtorità tal-Ippjanar.
Kien għalhekk li l-għaqda talbet biex l-Awtorità tirrifjuta l-permessi kollha għal din il-lukanda minħabba numru ta’ raġunijiet.
Intalab biex ikun hemm regoli ċari u stretti ta’ x’għandu jkun aċċettabbli biex b’hekk l-Awtorità tal-Ippjanar timxi bl-istess mod ma’ kulħadd.
Dan hekk kif l-għaqda qalet li bl-azzjonijiet tal-Awtorità, dawk li qed jieħdu d-deċiżjonijiet għal żvilupp meqjus bħala sfrenat qed iwasslu l-messaġġ li l-lokalità diġa’ hi mniġġsa u allura, ir-residenti diġa’ huma destinati li jimirdu.
Fost id-diversi nies li attendew għal din il-protesta kien hemm membri mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.