Lokali

Abbozz ta’ liġi bla preċedent li jindirizza n-nuqqas ta’ deċiżjonijiet ta’ Robert Abela

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista approva unanimament Abbozz ta’ Liġi bla preċedent li fih xejn inqas minn 12-il liġi differenti u li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, liema abbozz se jkun qed jitressaq quddiem il-parlament fil-ġranet li ġejjin. Dan bl-iskop li noffru aktar sigurtà u serħan il-moħħ f’pajjiżna.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li minkejja diversi sejħiet biex Robert Abela jimplimenta r-rakkomondazzjonijiet biex f’pajjiżna tieqaf l-impunità u tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalitá organizzata, Robert Abela baqa’ ma ħax deċiżjonjiet. Robert Abela jiddeċiedi li ma jiddeċidix.

Hu għalhekk li fil-ġranet li ġejjin se jkun qed jitressaq dan l-Abbozz li fih 12-il Abbozz differenti.

  1. Att li jelenka d-dmirijiet tal-Gvern fl-interess tal-ġid komuni. Qegħdin ngħidu li fil-Kostituzzjoni għandu jkun hemm elenkati d-dmirijiet tal-Gvern bħala gwardjan tal-iStat tad-Dritt, kustodju tal-patrimonju tan-nazzjon u promotur tal-benesseri tas-soċjetà.
  1. Att li jipprovdi għad-dmirijiet ta’ Gvern interim. Meta l-Parlament jiġi xolt skont l-Artikolu 76 tal-Kostituzzjoni, għandu jinħoloq gvern interim. F’dan il-perjodu ma għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni li torbot Kabinett ġdid.
  1. Att li jistabbilixxi Uffiċċju ta’ Maġistrat Inkwirenti Speċjali kontra l-Korruzzjoni, li jkollu setgħat kbar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, anke li jibda investigazzjoni minn jeddu.
  1. Att biex jipprovdi għall-ħolqien ta’ reat għal kull min bi vjolenza jew theddid, jew b’offerta jew wegħda ta’ flus jew ta’ kull xorta ta’ utli ieħor, jisforza jew iwassal lil xi ħadd ieħor biex ma jiddikjarax xi ħaġa jew jiddikjara xi ħaġa fażulla quddiem awtorità ġudizzjarja fi proċedimenti kriminali meta dik il-persuna għandha d-dritt li tibqa’ siekta u, jew id-dritt li ma tinkriminax ruħha: Delitt ta’ intraċċ għall-ġustizzja (Obstruction of Justice).
  1. Att biex jipprovdi għall-ħolqien ta’ reati minn uffiċjal pubbliku inkarigat bl-infurzar tal-ligi li dolożament jonqos minn dmiru. (Dereliction of Duties)
  1. Att li jipprevedi l-ħolqien ta’ reati ġodda ta’ użu illegali ta’ riżorsi elettroniċi mhux uffiċjali minn uffiċjali pubbliċi – jaħbi min għandu x’jaħbi.
  1. Att biex jipprovdi għall-ħolqien ta’ reat ġdid kontra l-kriminalita organizzata billi jipprovdi ghall-assoċċjazzjoni kriminali ta’ bixra mafjuża.
  1. Att biex jipprovdi għal Ordni ta’ Ġid mhux spjegat. Il-Qorti Kriminali tista’, fuq talba mressqa mill-Avukat Ġenerali, toħroġ ordni ta’ ġid mhux spjegat fir-rigward ta’ kwalunkwe proprjetà jekk il-qorti tkun sodisfatta li kull wieħed mir-rekwiżiti għall-għoti tad-digriet ikun sodisfatt. Unexplained Wealth Orders – fejn persuna jkollha propjetá li tkun ġiet minn fondi minn reat serju ħafna li jġorr aktar minn disa’ snin priġunerija.
  1. Att biex jipprovdi għall-ħolqien ta’ reat ġdid għal min jabbuża mill-awtorità tal-uffiċċju tiegħu. – Abbuż ta’ poter minn uffiċjal pubbliku.
  1. Att biex jipprovdi ghodda ahjar ‘l Pulizija fl-investigazzjoni ta’ delitti gravi. Tigi emendata l-Kostituzzjoni biex f’kazijiet ta’ reati gravi bhal terrrizmu, omicidju, hasil ta’ flus u traffikar ta’ droga, il-perjodu massimu ta’ 48 siegha arrest jista’ jiggeded darba biss sa 72 siegha jekk il-Kummissarju tal-Pulizija jgib l-awtorizzazzjoni tal-Magistrat Inkwirenti. Dan wara li jkun ta lill-maġistrat raġuni ġuramentata għala hemm bżonn ta’ tali estensjoni fiż-żmien tal-arrest sa 72 siegħa.
  1. Att biex jipprovdi għall-għola protezzjoni possibbli għad-dritt ta’ ġurnalizmu ħieles, indipendenti u imparzjali bħala wieħed mill-pillastri ewlenin tas-Saltna tad-Dritt, u dan billi d-dritt fundamentali għall-media ħielsa jkun ankrat fil-kostituzzjoni.
  1. Att biex jipprovdi għall-protezzjoni kontra kawżi strateġici kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP). In vista tad-diversi kawżi SLAPP li diversi ġurnalisti Maltin qed jiffaċċjaw jew ġew mhedda bihom f’pajjiżi barranin fejn qed jintalbu minnhom għexieren ta’ miljuni ta’ dollari f’danni, qed nippreżentaw Abbozz li jħares il-ġurnalist mill-biża’ ta’ dawn il-kawżi. Ħalli b’hekk nagħtu serħan il-moħħ ‘l ġurnaliżmu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkonkluda li fin-nuqqas li Robert Abela jiddeċiedi qed ikun il-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu li qed jagħmel dan.