Żewġ persuni kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’inċident fi Triq l-Imdina fir-Rabat.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħdax ta’ dalgħodu fejn mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li s-sewwieq, raġel ta’ 25 sena mill-Mosta, tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu bil-konsegwenza li baqa’ dieħel f’ċint u wara fil-crash barriers. Fil-karozza kien hemm żewġ nisa residenti l-Mosta… waħda ta’ 18-il sena u oħra ta’ 51 sena.
Fuq il-post issejħu membri tal-Korp tal-Pulizija, tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll żewġ ambulanzi li ħadu liż-żewġ nisa l-Isptar Mater Dei għal iktar kura filwaqt li s-sewwieq ittieħed f’ċentru tas-saħħa. S’issa l-kundizzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa.
Iktar tard, il-mara ta’ 51 sena ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li dik ta’ 18-il sena qed issofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
