Sport Sport Ieħor

Tkompli s-saga ta’ Novak Djokovic

It-tennista Serb Novak Djokovic kien pożittiv għall-Covid-19 f’Diċembru li għadda. Dan ħareġ fil-protest li l-avukati ta’ Djokovic se jkun qed iressqu nhar it-Tnejn fil-Qorti ta’ Melbourne wara li Djokovic ma tħalliex jidħol fil-pajjiż.

Djokovic bħalissa qed jinżamm fil-Park Hotel, fejn hija lukanda fejn jinżammu l-persuni fi kwarantina. Djokovic kien ingħata eżenzjoni biex jilgħab fl-Open tal-Awstralja li se jibda fis-17 ta’ Jannar hekk kif qed jirrifjuta li jieħu l-vaċċin kontra l-Covid-19, iżda twaqqaf milli jidħol fil-pajjiż hekk kif inżammitlu l-visa. Fil-jiem li għaddew numru ta’ persuni ħarġu jipprotestaw kontra d-deċiżjoni tal-Gvern Awstraljan.

Intant f’filmati u ritratti li ħarġu fl-aħħar sigħat jidher li Djokovic attenda attività pubblika l-għada li rriżulta pożittiv għall-Covid-19.

Każ simili għal dak ta’ Djokovic huwa dak tat-tennista Renata Voracova hekk kif ħalliet il-pajjiż wara li l-visa tagħha ġiet ikkanċellata.