Internazzjonali

Covid: Eluf fi Franza fi protesti kbar dwar il-‘vaccine pass’

L-awtoritajiet fi Franza qalu li ‘il fuq minn 105,000 persuna ħadu sehem fi protesti kontra l-introduzzjoni ta’ pass, jew dokument, li effettivament jillimita lill-persuni li mhumiex ivvaċċinati kontra l-Covid milli jipparteċipaw fil-ħajja pubblika.

Il-protesti saru f’diversi bnadi tal-pajjiż, fejn in-nies esprimew rabja dwar l-abbozz ġdid ta’ liġi li tippermetti l-implimentazzjoni tal-hekk-imsejjaħ ‘vaccine pass’.

L-akbar dimostrazzjonijiet saru f’Pariġi, il-belt kapitali ta’ Franza, fejn in-nies ġarrew diversi slogans kontra l-liġi u l-introduzzjoni tad-dokument inkwistjoni.

Il-Ministeru għall-Intern Franċiż tenna li talanqas 40 spiċċaw arrestati waqt id-dimostrazzjonijiet, b’għaxar uffiċjali tal-pulizija jweġġgħu fost sensiela ta’ inċidenti vjolenti relatati mal-protesti u li seħħew f’diversi bnadi tal-pajjiż.

L-abbozz ta’ liġi, li għadda mill-ewwel qari fil-kamra t’isfel tal-Parlament Franċiż, għandu jelimina l-għażla ta’ persuna li turi l-provi li t-test għall-Covid li tkun għaddiet minnu kien immarka fin-negattiv. Dan il-metodu, sallum, kien aċċettat għall-Franċiżi biex jingħataw aċċess għall-avvenimenti pubbliċi u postijiet oħrajn li jattiraw il-gruppi kbar tan-nies.

Il-liġi ġdida, intant, tirrikjedi biex in-nies ikunu ‘totalment ivvaċċinati’ biex ikunu jistgħu jiffrekwenataw numru ta’ postijiet bħall-bars u r-ristoranti.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Franċiż qed jistenna li r-regoli l-ġodda jsiru effettivi mill-15 ta’ Jannar – anki jekk is-Senat ta’ Pariġi (iddominat mill-Oppożizzjoni) kapaċi jwassal għall-posponiment tal-proċess.

Id-dimostranti li ħarġu jipprotestaw kontra l-abbozz akkużaw lill-Gvern b’li qed ‘jabbuża mid-drittijiet utagħhom’ u li  ‘mhux qed jitratta liċ-ċittadini b’mod ugwali’.

Ħafna nies – b’mod partikulari residenti ta’ Pariġi — baqgħu jesprimu rabja għall-President Franċiż, Emmanuel Macron, li jiem ilu qal li ‘kellu l-ħsieb li jdejjaq’ liċ-ċittadini li qed jirrifjutaw il-vaċċin kontra l-Covid.

Il-filmati tat-televiżjoni, sadanittant, urew diversi inċidenti bejn id-dimostranti u l-pulizija u li fihom ma naqsitx il-vjolenza. Fil-belt ta’ Montpellier, il-pulizija użat il-gass tad-dmugħ waqt il-konfronti mad-dimostranti lokali.

Il-konkorrenza għall-protesti madwar Franza kienet stmata madwar erba’ darbiet akbar mill-aħħar dimostrazzjonijiet simili li saru fit-18 ta’ Diċembru – meta xi 30,000 persuna kienu marċjaw madwar il-pajjiż.

Madankollu, l-oppożizzjoni għall-miżuri l-ġodda tal-Gvern ma tirriflettix il-fehma tal-maġġoranza — bl-aħħar stħarriġ jindika li l-parti kbira nett tal-Franċiżi jiffavorixxu l-‘vaccine pass’. Dan meta Franza hi stabbilita fost il-pajjiżi bl-akbar numri ta’ nies ivvaċċinati madwar l-Ewropa.